​“Allaħares il-politiċi jsiru bħal robots li jimxu skont programm elettorali” – Claudio Grech

“Allaħares nirriduċu l-politika għal-livell fejn il-politiċi jsiru robots li jimxu skont programm elettorali”.
Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech waqt dibattitu fil-Parlament dwar id-Diskors mit-Tron tal-President ta’ Malta fl-okkażjoni tal-bidu tal-leġiżlatura.
Dr Grech awgura li l-livell tad-dibattitu politiku jiġi elevat fuq livell ta’ ideat, b’dibattitu mibni fuq riċerka, u abbażi tal-perspettiva tas-soċjetà ċivili u l-involviment tan-nies.
Huwa saħaq li huwa importanti li d-diversità fil-poplu tkun rappreżentata kemm fuq livell ta’ partiti kif ukoll fuq livell nazzjonali. Saħaq li l-elettorat huwa wieħed divers, u żgur mhux omoġenju.
Tenna li jeħtieġ li jsir sforz qawwi biex id-diversi elementi fis-soċjetà jkunu mismugħa.
Enfasizza li jekk dan ma jseħħx, “nersqu lejn era fejn deputati jsiru robots” li jiġu pprogrammati “b’sempliċi programm elettorali, fejn ir-robot ipprogrammat jitkellem u jivvota favurih”.
Sostna li jekk il-politiku jkun sempliċi robot allura “ma għandniex għalfejn niġu niddibattu” fil-parlament, u l-pajjiż jiffranka madwar €10 miljuni fis-sena.