“Alla tagħna hu Alla tas-sorpriżi”

Il-Papa jiltaqa' ma' diriġenti u tfal mill-Isptar tal-Innoċenti li hemm f'Firenze

F’udjenza li ta lid-Diretturi, impjegat u tfal mill-Isptar tal-Innoċenti ta’ Firenze, fl-okkażjoni tas-600 anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni dedikata għall-kura u d-difiża tat-tfal, il-Papa Franġisku qal li dan l-Istitut għandu jkun punt ta’ riferenza fejn jidħol  il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-adoloxxenti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet ZENIT f’din l-okkażżjoni l-Papa warrab id-diskors li kien ipprepara u minflok iddeċieda li jagħmel diskors ieħor biex ma jdejjaqx lin-nies.

Il-Kultura tat-Tfal

Papa Franġisku qal li hemm bżonn nerġgħu ndaħħlu “Il-Kultura tat-Tfal”. Kultura li tissorprendik tara lit-tfal jikbru, kif jiġu f’kuntatt mal-ħajja u kif it-tfal jimmeraviljaw ruħhom bil-ħajja ta’ madwarhom. “U aħna rridu nitgħllmu nagħmlu l-istess. Din it-triq li lkoll għaddejna minnha bħala tfal, irridu nerġgħu ngħaddu minnha.

Fl-Evanġelju ta’ San Mark insibu: “Ħallu t-tfal jiġu għandi..”. Imma hemm passaġġi oħra fil-Vanġelu fejn Ġesù immur ‘l hinn aktar minn hekk: Hu biex biss jgħid li jilqa’ lit-tfal u dawk li jilqgħu lit-tfal ikunu qed jilqgħu lilu, imma jżid jgħid: “Jekk ma ssirux bħat-tfal ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet”

U dan hu li tgħallimna “Il-Kultura tat-Tfal”. Li b’xi mod irridu mmorru lura għas-sempliċità tat-tfal u fuq kollox inkunu kapaċi nissorprendu ruħna. Is-sorpriża! Alla tagħna hu Alla tas-sorpriżi u dan hemm bżonn nitgħallmuh.

Midalji maqsuma

“U rrid ngħidilkom ħaġa oħra” qal il-Papa Franġisku. Intom għandkom midalji maqsuma – nofs għand it-tfal u nofs għand l-omm li ħalliet it-tfal fl-Istitut.  Illum fid-dinja hawn ħafna tfal li għandhom nofs midalja. Jinsabu weħidhom. Vittmi tal-gwerer, tal-emigrazzjoni, vittmi tal-ġuħ, tfal mhux akkumpanjati. Tfal b’nofs midalja. U fejn hu n-nofs l-ieħor?, staqsa l-Papa Franġisku.

“In-nofs l-ieħor tal-midalja qiegħed għand il-Knisja. Irridu nirriflettu u nfehmu lin-nies li aħna responsabbli għan-nofs l-ieħor tal-midalja u nipprovdu dar għal dawn it-tfal innoċenti u nikkunsidraw li nadottawhom.”

Spiss ikun hawn min jixtieq jadotta t-tfal imma hemm ħafna burokrazija – u hemm ħafna korruzzjoni u jgħaddu l-flus, tħallas u tirranġa. “imma għinuni f’din il-biċċa xogħol: ejja nifirxu l-idea li aħna għandna nofs il-midalja li għandu dak it-tifel jew dik it-tifla”. Ħafna familji li ma għandhomx tfal  jixtiequ jkollhom tfal anke permezz tal-adozzjoni”.

Ejjew nimxu ‘l quddiem. Ejja noħolqu kultura ta’ adozzjoni għax hemm ħafna tfal abbandunati, li huma weħidhom. Vittmi taċ-ċirkostanzi. Hemm bżonn li n-nies jitgħallmu jħarsu lejn in-nofs l-ieħor tal-midalja u ngħidu: “Jien għandi nofs midalja wkoll. Nitlobkom taħdmu fuq din”, temm jappella l-Papa Franġisku.