“Alla mhux wieħed li jżomm il-ponta” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li Alla mhux wieħed li jżomm il-ponta, imma jċedi u jgħin lil bniedem jerġa’ jqiegħed l-affarijiet f’posthom. Waqt omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mbierka Ta’ Pinu, qal li jekk il-bniedem tonqoslu l-fidi, it-tama u l-karità, qatt m’għandu jaqta’ qalbu.

Semma kif meta xi ħadd iċedi quddiem xi ħadd ikbar minnu, ħafna drabi jiġi ttimbrat bħala bniedem dgħajjef, beżżiegħ jew ġifa. Hawnhekk għamel paragon mar-rakkont tat-tieġ ta’ Kana fejn Ġesù jċedi għat-talba insistenti ta’ Ommu. Qal li jasal biex iċedi proprju għax huwa qawwi.

L-Isqof Grech jirreferi wkoll għal dak li qal il-Papa Emeritu Benedettu Sittax semma kif Alla jċedi għax għandu qalb paterna.

Appella lil kulħadd biex jersaq lejn Alla, u saħaq kif Alla għandu qalbu żgħira u ma jagħmel l-ebda reżistenza quddiem it-tnehid tal-bniedem. Temm jgħid li quddiem dan kollu, il-qalb ta’ Alla tinħall.

Ritratt: Joe Louis Meilak