“Alla ma jaqtax qalbu mill-vojt tal-bniedem” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħeġġeġ lil kull min iħoss vojt f’qalbu u f’ħajtu biex b’umiltà u sinċerità, jammetti d-dgħufija tiegħu. “Hemm tibda taħdem il-grazzja.”
Monsinjur Grech qal dann waqt l-omelija fil-festa tas-sejħa tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Nazzjonali tagħha fl-Għarb.
L-Isqof Grech kellu messaġġ dirett għal dawk kollha li jħossu vojt f’qalbom. Ħeġġiġhom biex l-ewwel u qabel kollox jaċċettaw dan, kif għamel l-iben il-ħali tal-parabbola li minn hemm beda t-triq lura għal għand il-Missier li mlieh b’kull ġid.
Il-vojt jista’ jkollu ħafna għeruq, spjega Monsinjur Grech. Wieħed jista’ jesperjenza l-vojt mill-imħabba, vojt għax tamiet u aspirazzjonijiet jispiċċaw fix-xejn, hemm min iħoss il-vojt ta’ ħajja moralment tajba u min iħoss il-vojt ta’ Alla.
“Jekk inti ġarra vojta bħal dawk il-ġarar vojta li kien hemm f’Kana, taqtax qalbek,” qal Monsinjur Grech. “Alla ma jaqtax qalbu mill-vojt tal-bniedem."
Għalhekk indirizza lil dawk li fil-vokazzjoni jħossuhom vojta, lil min hu marid, lil min iżżarmatlu l-familja u oħrajn biex jagħmlu l-qalb għax “Kristu jimla kull vojt.”
Ikkwota lit-teologu Ortodoss Clement Olivier “il-vojt huwa okkażjoni biex jidher il-misteru tal-imħabba ta’ Alla.” Fakkar fi kliem San Pawl meta qal li anke Kristu tbattal biex jimla l-vojt tal-bniedem.
Temm billi ħeġġeġ lil kul min iħossu bħall-ġarar vojta ta’ Kana biex imorru f’ħoġor Marija biex tressaqna għand Ġesù.