Alla jitkellem ukoll bis-skiet tiegħu – l-Isqof Grech

Read in English.

Alla jitkellem ukoll bis-skiet tiegħu, skont l-Isqof Mario Grech.

Mons. Grech qal dan fl-omelija tiegħu fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm dalgħodu fis-Santwarju Ta’ Pinu. Fiha ħa sehem ukoll l-Isqof George Bugeja OFM.

“Il-jum tas-Sibt, l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira, huwa jum ta’ skiet u ħemda. Kif nistgħu ninterpretaw dan is-silenzju?” staqsa Mons. Grech.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex qal li hemm min jgħid li llum Alla waqa’ fil-muta. Spjega li waqt li Ġesù kien qed jissallab, is-skiet ta’ Alla kont taqtgħu b’sikkina.

“Nifhem lil min jagħmel dawn l-oġġezzjonijiet. Għax kif jista’ jkun li Alla jibqa’ daqshekk indifferenti quddiem tant vjolenza, quddiem il-qerda tal-bniedem, quddiem l-omiċidju ta’ Ibnu stess?”

Mons. Grech fakkar li l-Papa Benedittux XVI kien qal li Alla nħeba quddiem il-krudeltà fil-Kap ta’ Auschwitz.

“Ma naħsibx li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, meta d-dinja hija mifluġa bil-pandemija, huwa diffiċli nifhmu l-qalb feruta tal-Papa Benedittu! Meta għandna eluf kbar ta’ nies li qed imutu,” qal Mons. Grech.

“F’qalbi nġorr lil dawn kollha, speċjalment lil dawk li qegħdin fuq il-fruntiera, bħalma huma dawk il-health workers li qed jaqdu fl-isptarijiet, kif ukoll lil ħuti, is-saċerdoti u r-reliġjużi, li ma abbandunawx lill-bniedem imsallab, imma bħal Marija waqfu ħdejh,” qal Mons. Grech. Żied jgħid li l-llum in-nies qed jagħmlu l-esperjenza tas-skiet ta’ Alla.

Skont l-Isqof is-skiet ta’ Alla mhux xi ħaġa ġdida għal Marija għax għexitu drabi oħra.

“Hija għandha l-ħila li tinterpreta b’mod pożittiv dan is-skiet. Għaliex Marija, il-mara li tisma’, tisma’ wkoll is-skiet għax Alla jitkellem ukoll bis-skiet tiegħu,” qal Mons. Grech. Spjega li dakinhar tas-Sibt Marija semgħet lil Alla jitkellem mill-qabar “kiesaħ fejn difnu lil Ġesù”.

“Illum, il-jum tas-Sibt, il-ħarsa tagħna tieqaf fuq il-qabar mitbuq ta’ Alla, imma aħna nafu li l-mewt magħluqa fih hija l-prezz li Alla ħallas għalina,” qal Grech. Żied jgħid li ftit sigħat oħra s-skiet ta’ dak il-qabar jinkiser bil-qawmien ta’ Ġesù għall-ħajja.

Appella lin-nies biex f’dan iż-żmien ta’ qtigħ il-qalb, jieħdu f’darhom lil Marija.