Alla jimxi magħna u ma jabbandunana qatt

L-Appostli San Pietru u San Pawl huma meqjusa mill-missirijiet tal-Knisja bħala żewġ pilastri viżibbli li fuqhom hi mibnija l-Knisja. It-tnejn ħallsu b’demmhom ix-xhieda li taw għal Kristu bil-predikazzjoni fost il-komunitajiet kristjani tal-bidu.
Fl-Angelus fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, il-Papa Franġisku qal li fl-Atti tal-Appostli insibu l-istorja tal-priġunerija ta’ San Pietru u l-liberazzjoni tiegħu wara li kien diġa’ għadda minn esperjena ta’ ħabs minn idejn Erodi. Iżda dakinhar Pietru kien salvat u allura kien kapaċi jtemm il-missjoni tiegħu tal-evanġeliżazzjoni fl-Art Imqaddsa u f’Ruma.
San Pawl ukoll kellu espejenza ostili li minnha Alla  illiberah. Hu kien intbagħat fost il-poplu pagan f’diversdi pajjiżi biex iwassal il-kelma t’Alla imma sab ħafna reżistenza kemm mill-awtoritajiet ċivili kif ukoll minn dawk li kellhom twemmin differenti minn dak li beda jxandar. U fl-ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu tkellem dwar l-itinerarju missjunarju tiegħu u l-persekuzzjonijiet li sofra minħabba l-Evanġelju.
“Pietru u Pawlu juruna t-triq komuni li Alla fassal għalihom biex jipproklamaw l-Evanġelju f’ambjenti diffiċli u kultant ostili. It-tnejn juruna li Alla jimxi dejjem magħna, jimxi magħna u ma jabbandunana qatt. Speċjalment f’mumenti diffiċli, Alla jagħtina idejh, jgħinha u jeħlisna mit-theddid tal-għadu tagħna”, spjega il-Papa.
“Ejjew niftakru li l-veru għadu tagħna hu d-dnub u x-xitan li jibbuttana lejh. Iżda meta nirrikonċiljaw ma’ Alla fis-sagrament tal-Qrar, nirċivu l-grazzja tal-maħfra u ninħelsu mill-irbit tal-ħażen u mill-piż tal-iżbalji tagħna. U hekk inkunu nistgħu nkomplu nħabbru u nagħtu xhieda tal-Evanġelju”.