Alla jagħti l-ħajja fil-Milied jgħid Papa Franġisku

Kurja – knisja.mt/ritratti

“It-twelid ta’ Kristu f’maxtura jgħallimna biex naqsmu ħajjitna ma’ dawk fil-bżonn. F’Betlehm niskopru li Alla ma jieħux il-ħajja imma jagħtiha”, qal Papa Franġisku fl-omelija tiegħu fil-quddiesa tal-Vġili tal-Milied

Il-Papa qal li l-post fejn twieled il-Bambin Ġesù, jimmarka bidla fl-istorja. Betlehem tfisser “dar il-ħobż”. Marija poġġiet lil binha f’maxtura mnejn Ġesù bħal kieku ried jgħidilna “Hawn jien, l-ikel tagħkom”.

Ġesù tana lilu nnifsu biex jgħallimna ngħixu ħajjitna b’mod ġdid: “mhux billi nibilgħu u naħżnu, imma billi naqsmu u nagħtu lill-oħrajn”. Aħna ngħixu bi Kristu, il-ħobż tal-ħajja, u nitwieldu mill-ġdid fl-imħabba biex inkissru ċ-ċirku vizzjuż tal-ħtif u r-rgħiba.

Fl-Iskrittura insibu li d-dnub oriġinali tal-umanità kien li tieħu u tiekol mill-frotta projbita. “Il-bniedem sar żaqqieq u wikkiel”. Anke llum ftit jieklu ikel mill-aqwa u kemm jifilħu filwaqt li ħafna aktar m’għandhomx biżżejjed biex jgħixu. “Quddiem il-maxtura nifhmu l-ikel tal-ħajja mhux ir-rikezzi materjali, imma l-imħabba; mhux li nieklu żżejjed, imma l-karità; mhux it-tlellix imma s-sempliċità,” qal Papa Franġisku.

Alla jaf li jinħtiġilna nieklu kuljum u għalhekk offra lilu nnfisu, kull ġurnata. “Illum ukoll, fuq l-artal, isir ikel li jinqasam għalina; Hu jħabbtilna l-bieb biex jidħol u jiekol magħna”. Jekk nilqgħu lil Alla f’qalbna u nħalluh jgħix hemm, l-istorja tinbidel. “Darba Alla jgħix fi qlubna, iċ-ċentru ta’ ħajti ma jibqax l-ego egoist tagħna li ma jixba qatt imma jsir Dak li twieled u jgħix biex iħobb” Il-Papa qal li Ġesù fil-Milied jistedinna biex inqumu malajr minn fuq il-mejda u nservu lill-oħrajn u naqsmu l-ħobż tagħna ma’ dawk li m’għandhomx.

Papa Franġisku żied jgħid li Betlehem hi magħrufa wkoll bħala il-Belt ta’ David. Qabel sar Re, David kien ragħaj li Alla għażlu biex imexxi l-merħla tiegħu. Fil-lejl tal-Milied, ir-ragħajja laqgħu lil Ġesù fid-dinja. Dehrilhom Anġlu u qalilhom biex ma jibżgħux.  Din il-frażi nisimgħuha diversi drabi fil-Vanġelu għax Alla jaf li aħna beżagħna minħabba d-dnub tagħna.

“Ir-rimedju għal dan il-biża’ hi Betlehem; għax minkejja l-ħafna ‘le’ tal-bniedem, Alla l-ħin kollu jgħid ‘Iva’. Hu dejjem se jkun Alla magħna. Alla jsir ċkejken tarbija biex ma jbeżżagħniex”, qal il-Papa.

Meta dehrilhom l-Anġlu ir-ragħajja ma kienux rieqda; kienu qed jgħassu l-merħla. “Ħajjitna tista’ tkun immarkata jew bl-istennija jew bix-xewqat. Jekk nistennew lil Alla “fost id-dwejjaq tal-problemi tagħna”, nirċievu l-ħajja tiegħu. Imma jekk ngħaddu ħajjitna f’xewqat egoisti “fejn dak li jgħodd hu biss kemm għandna saħħa u kemm aħna kapaċi, qalbna tibqa’ tirrifjuta d-dawl ta’ Alla”, qal il-Papa.

Fil-Milied ilkoll irridu mmorru Betlehem. “Anke llum, it-triq hi għat-telgħa: l-egoiżmu tagħna rridu nirbħuh u ma rridux niżolqu fl-affarijiet tad-dinja u fil-konsumeriżmu”. Għalhekk nitelqu f’idejn Alla. “Ħudni fuq spallejk O Ragħaj it-Tajjeb; maħbub minnek inkun kapaċi nħobb lil ħuti u nimxi magħhom id f’id”, temm l-Omelija tiegħu l-Papa Franġisku.