Ix-xewqa tal-Papa għall-Milied hi fraternità bejn razez u kulturi differenti

“Alla huwa l-Missier it-tajjeb u aħna lkoll aħwa fih. Dan hu dak li jfisser il-messaġġ universali tal-Milied”. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt li għadda l-messaġġ tiegħu tal-Milied aktar kmieni llum.

Hu qal li din hi l-verità li hija l-bażi tal-viżjoni nisranija tal-umanità. Mingħajr il-fraternità li Ġesù tagħna, l-isforzi tagħna għal dinja aktar ġusta ma jagħmlux sens anke l-aqwa pjanijiet u proġetti tagħna qegħdin f’riskju li jkunu bla sens u vojta.

Għal din ir-raġuni, Franġisku qal li x-xewqa tiegħu għall-Milied hija xewqa għall-fraternità. Fraternità fost individwi ta’ kull nazzjon u kultura, fraternità fost nies b’ideat differenti, iżda kapaċi jirrispettaw u jisimgħu lil xulxin. Hu żied jgħid li għandu xewqa wkoll li jkun hemm fraternità fost persuni ta’ reliġjonijiet differenti.

Il-Papa Franġisku tenna li bl-inkarnazzjoni tiegħu, l-Iben ta’ Alla jgħidilna li s-salvazzjoni tiġi permezz tal-imħabba, l-aċċettazzjoni, u r-rispett għal din l-umanità fqira tagħna li lkoll naqsmu bejnietna f’razez, lingwi u kulturi differenti.