“Alla hu Żagħżugħ” – ktieb ġdid mill-Papa

"Alla hu Żagħżugħ" hu t-titlu ta’ ktieb ġdid li fih intervista twila mal-Papa Franġisku, li kien ippubblikat bi tnedija internazzjonali kbira nhar it-Tlieta li għadda.
Sentejn wara l-pubblikazzjoni ta’ “Isem Alla hu Ħniena” li kien ipubblikat f’aktar minn 100 pajjiż, dan il-proġett ġdid ikompli jikkaratterizza l-Pontifikat tal-Papa Franġisku.
Il-Papa ddedika din is-sena – 2018 – lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u f’Ottubru li ġej fil-Vatikan se jitlaqqa' s-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ.
“Alla hu Żagħżugħ” se jkun ippubblikat madwar id-dinja fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ li din is-sena kien iċċelebrat f'Ħadd il-Palm, iċċelebrat fil-Vatikan u fid-djoċesijiet Kattoliċi kollha madwar il-ħames kontinenti.
Il-Papa kiteb personalment it-titlu tal-ktieb b’idejh, fuq is-sitt verżjonijiet f’lingwi differenti li fihom kien tradott dan il-ktieb.
Fl-intervista forma ta’ ktieb il-Papa jitkellem maż-żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha, kemm dawk membri tal-Knisja u dawk li mhumiex, fi djalogu kuraġġjuż, intimu u memorabbli. Il-ktieb hu messaġġ ta’ liberazzjoni li jofroq il-preżent u jfassal il-futur u jibni pont bejn il-ġenerazzjonijiet f’bidla profonda tas-soċjetajiet li ngħixu fihom.
Fil-konversazzjoni ma’ Thomas Leoncini, l-Papa Franġisku, b’forza u passjoni kbira, janalizza temi kbar moderni u jieħu l-ġenerazzjonijiet minsija 'l hinn mill-marġini li ġew relegati fihom u juri li fil-fatt huma l-protagonisti tal-istorja komuni tagħna.
Il-ktieb jantiċipa u jipprepara għas-Sinodu taż-Żgħażagħ li se jsir f’Otturbu ta’ din is-sena.
Papa Franġisku twieled fi Buenos Aires fis-17 ta’ Diċembru 1936 u fit-13 ta’ Marzu 2013 sar l-Isqof ta’ Ruma u t-266 Papa tal-Knisja Kattolika Rumana. Sentejn wara din il-ħatra, eżattament fit-13 ta’ Marzu 2015 iddeċieda li jagħti marka lill-Pontifikat tiegħu billi indika s-Sena Mqaddsa tal-Ħniena u f’dik l-okkkażjoni kien ippubblikat il-“best seller” tiegħu “Isem Alla hu Ħniena” li kien jinkludi intervista ma’ Andrea Torinielli.
Fis-6 ta’ Ottubru tas-sena 2016 hu sejjaħ il-XV Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet biex jiddiskuti t-tema “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali” li se jsir fil-Vatikan bejn it-3 u t-28 ta’ Ottubru li ġej biex b’hekk ipoġġi t-tema taż-żgħażagħ fil-qalba tal-azzjoni u l-ħidma pastorali tiegħu.