Franġisku jwieġeb lil tifel imbikkem minħabba missieru, “Alla għandu qalb ta’ missier”

Minn żmien għal żmien il-Papa Franġisku jmur iżur xi parroċċa fid-djoċesi ta’ Ruma li tagħha hu l-Arċisqof. F’dawn il-jiem żar il-Parroċċa ta’ San Pawl tas-Salib li tinsab f’Corviale, fit-tarf ta’ Ruma, u hemm iltaqa’ man-nies tal-parroċċa, fosthom tfal u żgħażagħ.
Qabel il-quddiesa li ċċelebra fil-knisja parrokkjali l-Papa żar il-klassijiet tal-katekiżmu għat-tfal u mbagħad iltaqa’ wkoll mal-anzjani, foqra, u anke persuni morda li jgħixu fil-parroċċa u aktar tard anke qarar lil numru ta’ persuni.
Fil-laqgħa mal-anzjani, il-Papa tkellem dwar id-dover tal-parroċċa li tgħin lin-nies tagħha “għax dawk li għandhom l-aktar bżonn għandhom ikunu fil-qalba tal-parroċċa u fil-qalb tal-Evanġelju. Fil-ħajja kulħadd irid jiffaċċja xi diffikultajiet, iżda d-dwejjaq u d-diffikultajiet tagħna m'għandhomx jisirqulna t-tama u l-ferħ għax Ġesù ġie biex jifdi l-feriti tagħna bil-feriti tiegħu. Kristu ħallas għalina. Kristu hu qrib tagħna. Kristu jrid dawk li hu tajjeb għalina” insista Papa Franġisku.
Il-Papa beda ż-żjara tiegħu b’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ma’ xi tfal mill-parroċċa. Sessjoni fi spirtu ferrieħ li fiha wiegħed li jwieġeb domanda dwar il-passaġġ favorit tiegħu mill-Bibbja jekk it-tfal min-naħa tagħhom iwegħduh li meta jmorru d-dar jaqraw huma wkoll dan il-passaġġ.
Hu mbagħad irrakkonta l-istorja tal-konverżjoni ta’ Mattew li qal “turi l-qawwa li għandu Ġesù li jibdel il-qlub”.
Meta tifla żgħira staqsietu jekk dawk li mhumiex mgħammda humiex ukoll ulied Alla, il-Papa wieġeb: “Aħna lkoll ulied Alla. Kulħadd! Kulħadd! – nies tajba u nies ħżiena, anke dawk li għandhom reliġjonijiet oħra; anke l-mafjużi. Alla ħalaq lil kulħadd. Iħobb lil kulħadd u poġġa fil-qalb ta’ kulħadd kuxjenza li tagħraf dak li hu tajjeb, u tiddistingwih minn dak li hu ħażin”, qal il-Papa.
“Iżda meta nitgħammdu, l-Ispirtu s-Santu jidħol fil-kuxjenza tagħna u jsaħħaħ l-għaqda tagħna ma’ Alla u dan jagħmilna aktar ulied Alla”.
Tifel żgħir li deher emozzjonat ħafna ma setax jagħmel id-domanda tiegħu. Il-Papa stiednu jersaq lejh u jkellmu f’widnejh. “Dan it-tifel qed jibki lil-missieru li miet ftit ilu”, qal il-Papa “u kellu l-kuraġġ tagħmel dan quddiemna tant għandu mħabba f’qalbu għal missieru”.
 It-tifel staqsa lill-Papa jekk missieru li ma kienx jemmen imma kien raġel tajjeb, marx il-ġenna.
“Kemm hi ħaġa sabiħa meta tifel jgħid li missieru kien raġel tajjeb”, qal il-Papa filwaqt li wieġeb lit-tifel u qallu li Alla biss jaf min hemm il-ġenna. “Imma l-qalb ta’ Alla kif tħares lejn missier bħal dan? Alla għandu qalb ta’ missier u mhux se jħalli missier bħal dab il-bogħod minnu”.