Filmat: Alla bagħat lil ibnu biex iġedded fina l-għatx għall-imħabba vera – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li Alla bagħat lil ibnu biex iġedded fina l-għatx għall-imħabba vera, għaliex fina hemm għatx profond, bħalma fid-dlam nixxennqu għad-dawl u fid-dlamijiet tal-mewt nixxennqu għall-ħajja. Din l-imħabba vera hija mħabba li tillibera, li ma tippossjedix, waħda li tħalli lill-bniedem liberu jagħżel jekk iridx jemmen jew le.

L-Arċisqof dalgħodu ċċelebra l-quddiesa tal-Milied fil-Katidral tal-Imdina.

Fl-omelija, huwa rrefera għall-ittra appostolika tal-Papa Franġisku tat-8 ta’ Diċembru, li fiha ddiskuta lil San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, li t-tradizzjoni ssejjaħlu kastissimu. L-Arċisqof spjega li din il-kastità mhix indikazzjoni affettiva imma l-ġabra ta’ ndiema li tesprimi l-maqlub ta’ pussess.

Knisja.mt / Ritratti

Skont l-Arċisqof, il-Papa qal ħaġa straordinarja meta qal li l-imħabba hija tassew imħabba biss meta hi safja, għaliex dik l-imħabba li trid tippossjedi dejjem issir perikoluża, tjassar u tnikket. Il-Papa qal li Alla nnifsu ħabb lill-bniedem bi mħabba safja, ħallieh liberu anke li jiżbalja u jeħodha kontrih. L-Arċisqof fisser li l-loġika tal-imħabba hi dejjem loġika ta’ libertà. Madankollu, Alla ma jixtiqniex li ninfirdu minnu u kien għalhekk li bagħat lil ibnu biex iġedded fina l-għatx għall-imħabba vera. Stqarr li rridu nifhmu d-don u r-responsabbiltà quddiem l-imħabba ta’ Betlehem li tfakkarna fid-dgħufija.

Mons. Scicluna qal li llum il-ġurnata ngħixu f’dinja fejn l-imħabba ġiet banalizzata – tista’ tixtriha u tbigħha, imma permezz ta’ Ġesù magħmul bniedem, inħarsu lejn it-tarbija ġol-maxtura f’Betlehem u fiha naraw li l-imħabba u l-verità seħħu. Ġesù huwa d-dawl mibgħut fid-dlam tad-dgħufijiet, l-egoiżmu, il-mibegħda u l-għira tal-bnedmin.

L-istedina ta’ Alla għalina, qal l-Arċisqof, hi: “Tħobbnix bilfors jew għax tibża’ minni, ħobbni għax jien l-imħabba vera. Tkunx skjav tiegħi, titwerwirx minni, il-ħarsa u t-tmellisa tiegħi jagħmluk ħieles tassew.” Skont Mons. Scicluna, dan hu l-akbar awgurju li nistgħu nagħtu lil xulxin fil-Milied.