All I Want for Christmas Is You għall-ewwel darba fil-quċċata fl-Istati Uniti

Il-kanzunetta All I Want for Christmas Is You ta’ Mariah Carey hi d-diska tal-Milied għal din is-sena fl-Istati Unitu wara li ilha li ħarġitha 25 sena ilu fid-29 ta’ Ottubru 1994 . Il-kanzunetta telgħet sal-ewwel post għall-ewwel darba minn kemm ilha li rrekordjatha l-kantanta. Din hi d-19-il diska ta’ Mariah Carey li laħqet il-quċċata taċ-charts tal-aqwa 100 diska f’dak il-pajjiż.

Mariah Carey kitbet il-kanzunetta klassika tal-Milied hija stess u l-ewwel li dehret kien fuq l-album tagħha Merry Christmas. Il-vidjow mużikali jinkludi montages tal-kantanta tpoġġi ornamenti fuq siġra tal-Milied u  tilgħab fuq il-borra ma’ Santa Claus u ċ-ċrief  tiegħu.

Il-kantanta waqt li tkanta turi x-xewqa tagħha tal-Milied li hija ma tridx ir-rigali taħt is-siġra tal-Milied imma  li l-maħbub tagħha jiġi jżurha biex tesperjenza s-seħer u r-romantiċiżmu assoċjat ma’ l-istaġun festiv.

All I Want for Christmas kważi kull sena daħlet fiċ-charts u l-aktar post fil-għoli li kienet waslet kien is-sena l-oħra meta waslet sal-10 post. Din is-sena għamlitha! Matul is-snin kienet fl-ewwel post fi 18-il pajjiż u biegħet aktar minn 16-il miljun kopja tagħha.