Alitalia: Il-ħaddiema ‘jipprotestaw’

Il-kumpanija Alitalia reġgħet qiegħda fix-xifer ta’ falliment.
Dan wara li żewġ terzi tal-ħaddiema ivvotaw kontra l-pjan ta’ ristrutturar tat-tmexxija.
Il-ftehim kien jinkludi li jitkeċċew kważi elf ħaddiem u li jitnaqqsu l-pagi ta’ mijiet ta’ ħaddiema.Fi stqarrija l-unjins irrikonoxxew li dan il-fethim kien iebes madankollu qalu li kien wieħed li jiddetermina l-futur tal-kumpanija.
Min-naħa tagħhom il-ħaddiema kemm-il darba tennew li ma kinux se jaċċettaw li jagħmlu aktar sagrifiċċji.
Intant jumejn oħra mistenni jkun hemm laqgħa bejn l-azzjonisti sabiex tiġi maħtura amministrazzjoni aktar speċjalizata. Min-naħa tiegħu l-Gvern Taljan se jkun jista’ jaħtar kummissarju biex jevalwa l-ġejjieni tal-kumpanija.
Qed jiġi rrapurtat li kuljum il-kumpanija qed tagħmel telf ta’ nofs miljun ewro u fi ftit ġimgħat se tispiċċa b’idha f’idha.
F’Jannar li għadda l-Air Malta u l-Alitalia kienu waqfu n-negozjati ta’ bejniethom.
Dawn in-negozjati kienu se jwasslu biex l-Alitalia jkollha sehem ta’ 49% mil-linja nazzjonali tal-ajru.