Ali Sadr jitlob li jitneħħielu l-GPS

Read in English.

L-eks Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hashemi Nejad talab biex ikun jista’ jibqa’ barra sa nofsilejl kif ukoll biex jitneħħielu l-GPS minn saqajh peress li l-Qorti kienet ordnat li għandu jibqa’ jiġi mmonitorjat b’mod elettroniku. L-Imħallef Alison J. Nathan, li qed tippresedi l-każ, qalet li ma ssib l-ebda raġuni għalfejn taċċetta dawn it-talbiet.

Din l-aħbar mill-Qorti Amerikana ġiet ippubblikata fuq is-sit InnerCityPress.com li l-ġurnalist Matthew Russell Lee kiteb li kienu l-uniċi li segwew il-proċeduri tal-lum.

Ali Sadr qed jaffaċċja piena ta’ 125 sena ħabs fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li ma segwiex is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Veneżwela.

AQRA: Arrestat is-sid tal-Bank Pilatus; Jista’ jeħel sa 125 sena ħabs

F’seduta fil-Qorti aktar kmieni llum fi New York, il-Qorti semgħat lill-avukat ta’ Ali Sadr jagħmel dawn it-talbiet. L-avukat Reid Weingarten tad-ditta legali Steptoe & Johnson li qed jirrappreżenta lil Ali Sadr jinsab għaddej bi proċeduri fil-Qorti minħabba kunflitt ta’ interess ma’ klijenti oħra.

AQRA: Iċ-Ċermen ta’ Pilatus Bank jingħata libertà proviżorja – rapporti

Dawn il-proċeduri fil-Qorti wasslu biex jitwal il-każ kontrih li oriġinarjament kellu jibda f’Mejju ta’ din is-sena, imbagħad f’Ottubru u anki għal Jannar tas-sena d-dieħla.

Il-każ issa se jittardja iktar u se jkompli fit-2 ta’ Marzu 2020.