Ali Sadr ħati f’Qorti Amerikana

Pilatus Ali sadr

Read in English.

Is-sid tal-Pilatus Bank Ali Sadr Hashemi Nejad instab ħati ta’ frodi. Dan skont kif irrappurtat minn Matthew Russell Lee li qed isegwi l-każ fl-Istati Uniti permezz tas-sit tal-aħbarijiet Inner City Press. Ali Sadr kien ic-Chairman ta’ Pilatus Bank li kien ibbażat f’Malta.

Huwa qal li Ali Sadr instab ħati fuq ħafna mill-akkużi ppreżentati kontrih. Lee irrapporta li Ali Sadr instab ħati li kkonfoffa biex iwettaq frodi fl-Istati Uniti fost akkużi oħra. Huwa ma nstabx ħati fl-akkuża ta’ kkonfoffa biex iwettaq ħasil ta’ flus.

Fuq Twitter, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa qal li l-verdett ta’ ħtija jikkonferma li “l-Gvern Malti jinsab ħbieb ma’ kriminal ta’ klassi dinjija.”

Il-prosekuzzjoni talbet biex jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest ta’ Ali Sadr u biex il-bankier jintbagħat il-ħabs. L-avukat difensur qal li l-klijent tiegħu ma kienx f’riskju li jaħrab u li 40 familja kienu se jitilfu dak li ġemmgħu tul ħajjithom. Il-Prosekuzzjoni fakkret lill-Qorti Amerikana li Ali Sadr għandu ċittadinanza f’pajjiż li m’għandux ftehim ta’ estradizzjoni mal-Istati Uniti. Sostna li “jekk jaħrab lejn l-Iran, ma nkunux nistgħu nerġgħu nġibuh lura,”. Ġie rrappurtat ukoll li l-Imħallef Nathan qablet li Ali Sadr għandu jibqa’ arrestat f’daru peress li l-kundizzjonijiet jistgħu jiġu tranġati permezz tas-sistema ta’ GPS li Ali Sadr għadu jżomm fuqu.