Alfred Sant ma jaqbilx li self mhux produttiv huwa problema f’Malta

ALFRED SANT EP

F’Mistoqsija Parlamentari Urġenti lill-Kummissjoni Ewropea, il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Laburista Alfred Sant ikkontesta d-dikjarazzoni tal-KE li l-ekonomija Maltija ġiet affettwata minn self mhux produttiv (non-performing loans jew NPL).
Il-KE qalet fil-Komunikazzjoni tas-Semestru Ewropew tal-2018 din il-ġimgħa li “għadd ta’ stati membri tal-UE qed ikomplu jiġu affettwati minn ishma kbar ta’ ‘non-performing loans’. Rakkomandazzjonijet speċifiċi lil stati-membri kienu indirizzati lill-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, l-Italja u Malta f’dan is-sens.”
NPLs huma self mill-bank li huma suġġetti għal pagamenti tard jew li ma tantx ikun hemm ċans li se jiġu mħallsin mingħand min ikun issellef il-flus.
Skont Sant ma kien hemm l-ebda tħassib dwar NPLs f’Malta fi snin riċenti. Qal li l-istess punt ma jidirx fir-Rakkomandazzjoni Speċifika indirizzata lil Malta ta’ din is-sena.
Fl-2018, il-KE kienet qalet li mhemmx riskji marbuta ma’ NPLs f’Malta.