L-MEPs Maltin f’minoranza biex jopponu taxxa komuni

Il-Membri Parlamentari Ewriopej Maltin miż-żewġ partiti kienu fost minoranza fil-Parlament Ewropew fl-aħħar jumejn hekk kif għaddew tliet riżoluzzjonijiet li jinkludu sistema ta’ taxxa komuni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Aktar kmieni llum, l-MEPs ivvutaw għal żewġ riżoluzzjonijiet marbuta mat-taxxa. Waħda li tinkludi l-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, li kienet parti minn proposta wiesgħa għall-ħolqien ta’ sistema komuni tat-taxxa korporattiva tal-UE u miżura separata iżda komplimentari, li toħloq il-bażi għas-sistema ta’ taxxa korporattiva armonizzata.
Fiż-żewġ każijiet, l-Ewroparlamentari Maltin kienu jiffurmaw inqas minn kwart tal-oppożizzjoni għaż-żewġ riżoluzzjonijiet.
Il-Maltin fil-Parlament Ewropew jirreaġixxu
Fi stqarrija, id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew qalet li “dawn il-proposti huma l-ewwel pass fi strateġija biex tiġi armonizzata l-istruttura taʾ tassazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea”. Spjegaw li fil-verità, is-sistemi li qed jiġu proposti ipoġġu kumpaniji bbażata fl-UE u l-pajjiżi membri fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ korporazzjonijiet u pajjiżi fil-bqija tad-dinja”.
Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qalet li huma dejjem kienu u dejjem se jibqgħu jiddefendu s-sistema ta’ taxxa f’Malta. Spjegat li dan għamlitu qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u se tibqa’ tagħmlu issa. Spjegaw li l-attenzjoni se tibqa' ffukata fuq l-abbuż tas-sistema u tinsisti kontra kwalunkwe tentattiv biex tikklassifika lil Malta bħala tax haven.
Riżoluzzjoni dwar riforma tas-sistema attwali tar-riżorsi propji tal-UE
Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin reġgħu kienu fost l-24% tal-MEPs kollha li lbieraħ vvutaw kontra r-riżoluzzjoni oħra tal-Parlament Ewropew li din id-darba kienet titlob li l-Unjoni Ewropea jkollha riżorsi proprji tagħha.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Alfred Sant kien l-ewwel li kkumenta u qal li huwa vvota kontra r-rapport li jipproponi sistema ta’ Taxxa Korporattiva Komuni, u Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, fost proposti ġodda oħra.
Fi stqarrija, Dr Sant qal li għalkemm mhux kontra l-kunċett li l-Unjoni Ewropea jkollha r-riżorsi baġitarji tagħha stess, hu kontra riżorsi li jiġu fil-forma ta’ Taxxa Korporattiva Komuni jew Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji.
Irrimarka li l-armonizzazzjoni fit-taxxa ma tistax tkun is-soluzzjoni għad-dgħufijiet tal-Unjoni Ewropea.
Dr Sant qal li quddiem ir-realtà ta’ diskrepanzi soċjo-ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni, sistema ta’ taxxa waħda twassal biex l-affarijiet imorru għall-agħar.
Ir-rapport qiegħed f’kuntest fejn il-baġit Ewropew irid jimla l-ħofra li se tħalli l-Brexit. Fit-tfittxija tagħha għar-riżorsi proprji ġodda għall-UE, ir-rapport emfasizza wkoll fatturi importanti bħat-tassazzjoni ‘ħadra’, u l-ħtieġa li jintemmu r-rebates, li Dr Sant jaqbel magħhom.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’442 vot favur, 166 kontra, u 88 astensjonijiet.
Tista' taqra r-riżoluzzjoni sħiħa hawnhekk.