Alfred Sant jistaqsi lill-KE dwar il-ksur tal-informazzjoni

Alfred Sant staqsa lill-Kummissjoni Ewropea hux se tieħu azzjoni formali kontra l-kumpanija Uber dwar il-ksur massiċċ tal-informazzjoni f’Ottubru tas-sena l-oħra ta’ 57 miljun konsumatur u sewwieqa madwar id-dinja, inkluż ċittadini Ewropej.
Rapporti riċenti jgħidu li Uber ħallset $100,000 lil hackers responsabbli għas-serq tal-informazzjoni diġitali biex iħassru l-informazzjoni u jgħattu l-ksur fis-sistema tas-sigurtà, minflok avżat lill-awtoritajiet u lill-individwi affettwati.  
Dara Khosrowshahi, li ħa l-post tal-ko-fundatur Travis Kalnick  ta’ Uber bħala CEO f’Awwissu, qal li kien biss riċentement li sar jaf dwar il-ksur tal-liġi tal-informazzjoni.
Huwa staqsa x’inhi l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar prattiċi li bihom kumpanija attiva fis-suq diġitali tesperjenza ksur tal-liġi tal-informazzjoni mingħajr ma tinforma lill-klijenti jew lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.
Dr Sant qal li l-‘cover up’ ta’ Uber fuq tul ta’ sena jqanqal ħafna mistoqsijiet fid-dawl tal-liġi tal-UE dwar miżuri applikabbli għan-notifikazzjoni ta’ ksur tal-liġi ta’ informazzjoni personali kif ukoll fuq il-privatezza u komunikazzjoni elettroniċi.
Dan ir-regolament jispeċifika li ksur tal-liġi tal-informazzjoni taffettwa negattivament il-privatezza tal-individwi, għaldaqstant dawk li jipprovdu s-servizz għandhom jinformaw l-individwi fi żmien 24 siegħa wara li dan jiġi identifikat.