Alfred Sant jistaqsi dwar id-dewmien fil-ħlasijiet ta’ titjiriet imħassra

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant staqsa lill-Kummissjoni Ewropea dwar x’azzjoni qed tittieħed b’rabta mad-dewmien, li sejjaħ sproporzjonat, fi ħlasijiet lura ta’ biljetti tal-ajru.

Dan fid-dawl ta’ linji tal-ajru li fi kliemu qed jagħmluha kważi impossibbli għall-passiġġieri biex jagħtuhom flushom lura, u minflok qed joffru vawċers, li jobbligaw lill-klijenti jixtru biljetti mal-istess kumpaniji fi żmien stipulat.

Alfred Sant talab ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tindika jekk hemmx investigazzjonijiet li qed isiru dwar il-kwistjoni u jekk hux lesta tagħmel ir-riżultat tat-tali investigazzjonijiet pubbliċi.

B’appoġġ għat-talba tiegħu, Alfred Sant ikkwota r-regolament tal-UE 261/2004 li jindika li, fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn ir-rimbors tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz li bih inxtara jew vjaġġ alternattiv lejn id-destinazzjoni finali tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn