Alfred Sant jisħaq favur il-ġbir tat-taxxi fl-UE imma kontra l-istess rati fil-pajjiżi membri

Il-kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, tkellem favur it-trasparenza dwar il-ġbir tat-taxxi fl-UE imma kontra li r-rati jkunu l-istess fil-pajjiżi kollha membri.
Fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju fi Brussell, Alfred Sant talab biex tiġi ċċarata l-kelma “koordinament”, biex jiġi speċifikat jekk din tirreferix għat-trasparenza inkella għal rata komuni.
Abbozz tar-rapport quddiem il-Kumitat Ekonomiku u Monetarju, li issa jrid isir vot dwaru, kien intlaqa’ mill-Parlament Ewropew sena ilu wara li sar b’reazzjoni għall-iskandlu “Luxleaks”.
L-iskandlu kien jittratta l-Lussemburgu u kif kumpaniji multinazzjonali kbar kellhom ftehim sigriet mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex jiffrankaw miljuni kbar ta’ taxxi.