Alfred Sant jgħid li 6 xhur wara l-elezzjoni, il-Parlament Ewropew ma biddel xejn

L-ewroparlamentari Alfred Sant akkuża lill-Parlament Ewropew li l-aġenda tiegħu ġiet ikkapparrata mill-estremi politiċi u mill-populisti.
Skont Sant hu għalhekk li mhux jiddiskuti għaliex il-mudell soċjali Ewropew qed jiżżarma u kif tista’ tinbena politika serja dwar l-immigrazzjoni.
Alfred Sant ġibed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew li sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Mejju, meta l-elettorat f’diversi pajjiżi bagħat risposta ċara li jrid bidla, din għadha mhix isseħħ.
L-ewroparlamentari Malti qal li jistenna li jsir dibattitu dwar deċiżjonijiet tajba u żbalji fit-tmexxija tal-UE u taż-żona ewro, u kif l-UE qed taffettwa għat-tajjeb u għall-ħażin il-ħajja taċ-ċittadini.
Dan biex fejn hemm x’jinbidel, jinbidel. Minflok, saħaq Sant, il-Parlament Ewropew kompla b’li kien isir qabel.