Alfred Sant jappoġġja lill-kandidat għall-PE Robert Micallef

Il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Robert Micallef irċieva l-appoġġ tal-Eks Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant.

F’filmat irrekordjat Dr Alfred Sant qal li ilu jsegwi l-interess u l-istudji ta’ Micallef fil-qasam Ewropew u baqa’ jsegwi l-inizjattivi li kien jieħu matul is-snin.

Dr Alfred Sant qal li għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2004, kien hu stess li ħeġġeg lil Robert Micallef ikun kandidat tal-Partit Laburista.

Fi stqarrija maħruġa minn Robert Micallef, ingħataw dettalji dwar l-esperjenza tiegħu mal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE. Huwa kien impjegat bħala ekonomista mal-Kummissjoni Ewropea u kien editur tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Ħadem bħala konsulent fil-Parlament Ewropew u, fis-snin riċenti, serva bħala diplomatiku Malti fi Brussell.

Matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, Robert Micallef ippresieda formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mexxa negozjati mal-Parlament Ewropew. Robert Micallef huwa fundatur tal-Forum Żgħażagħ Laburisti u EKs Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej. Studja l-politika u l-ekonomija fl-Università ta’ Oxford u kompla jispeċjalizza permezz ta’ iktar studji f’Boston, Parma, Pariġi u Grenoble.