Alfred Pulè jirriżenja mill-PA; kunflitt ta’ interess – Ian Borg

Miguela Xuereb

Il-Gvern, fi stqarrija ħabbar li Alfred Pulè, membru fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, irriżenja minn membru tal-istess Bord, wara li ġie żvelat li seta’ kien hemm kunflitt ta’ interess li affettwa deċiżjoni li ttieħdet mill-Bord tal-Ippjanar fil-jiem li għaddew.

Fl-aħħar ġranet il-każ li kien fiċ-ċentru tal-kontroversja kien dak tal-permess biex għorfa fil-Qala tinbidel f’villa.

Permess biex għorfa fil-Qala tinbidel f’villa

Ftit tal-jiem ilu d-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli wkoll irriżenjat mill-Bord tal-istess Awtorità, għax fi kliemha “kulma jmur l-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun maħkuma minn nies u forzi li qed jinjoraw għal kollox il-ġid komuni”. Stqarret li mhix lesta tifforma parti minn entità li ma turix rispett lejn il-poplu.

Marthese Portelli tirriżenja mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar

Sigħat qabel fuq Facebook, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ħabbar li membru fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar mhux se jibqa’ jservi fil-bord. Huwa sostna li kien Membru Parlamentari li ġibidlu l-attenzjoni fuq il-każ. Huwa żied jgħid li wara li tkellem mal-persuna kkonċernata, għalkemm fi kliemu “ma kien hemm ebda interess dirett jew indirett fuq id-deċiżjonijiet li huwa pparteċipa fuqhom”, huma qablu li sabiex titneħħa kull spekulazzjoni jew dubju, ma jibqax iservi fuq dan il-bord.

Iktar kmieni llum ingibdet l-attenzjoni lili minn Membru Parlamentari, li fuq l-Awtorità tal-Ippjanar jista’ jkun hemm…

Posted by Ian Borg on Thursday, November 7, 2019

“Dwar l-Awtorità tal-Ippjanar hemm bżonn li jsiru riformi u bidliet importanti fil-ġimgħat u xhur li ġejjin”, kkonkluda l-Ministru.

Bejgħ ta’ art f’Ħal Lija fl-2016

Fi stqarrija, il-Ministru Ian Borg qal li Pulè kien infurmah dwar bejgħ ta’ art f’Ħal Lija fl-2016. Skont rapporti, din l-art biegħha lil Joseph Portelli, l-iżviluppatur Għawdxi li nħariġlu l-permess mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, biex minflok għorfa jibni villa qalb l-għelieqi.

Din ta’ Alfred Pulè hija t-tieni riżenja f’temp ta’ ftit xhur mill-istess Bord, minħabba kunflitt ta’ interess. Wara pressjoni kbira mill-pubbliku kien irriżenja Matthew Pace. Dan wara li l-Qorti ddeċidiet li Pace ma kellux jipparteċipa f’deċiżjoni minħabba li kien involut fil-bejgħ ta’ appartamenti li ffurmaw parti mill-iżvilupp propost tal-Grupp db f’Pembroke.

Jirriżenjaw 3 mill-PA fosthom Matthew Pace

“Matthew Pace għandu jirriżenja” – PM