Alfie Evans baqa’ jieħu n-nifs waħdu wara li ntfewlu l-magni

Ilbieraħ filgħodu, missier Alfie Evans qal li ibnu qed jieħu n-nifs waħdu għal aktar minn disa’ sigħat, mingħajr ebda għajnuna, wara li l-isptar Alder Hey fejn qed jinżamm, tefa l-magni li kienu qed jgħinuh iżomm ħaj.
Tom Evans  qal li issa ibnu ilu diġà numru ta’ sigħat jgħix bla ebda għajnuna u ommu qed torqod ħdejh u tħossha komda li tagħmel dan.  “Qalulna li Alfie qed ibati. Ħarsu lejh u taraw kif avolja tneħħewlu l-magni mhux qed isofri”.
Qal li l-isptar ħallew lil ibnu “bla ikel, bla ilma u bla ossiġnu għal sitt sigħat sħaħ u issa ddeċidew li jagħtuh l-ilma. It-tifel qed jaħdem u jagħmel l-aħjar li jista’ waħdu imma nixtiequ li jkun megħjun.
“Se jkun diffiċli għalih u issa għandu bżonn l-għajnuna wara disa’ sigħat bla ebda għajnuna. Naħseb li fis-sigħat li ġejjin se jkollu bżonn l-għajnuna”, qal il-missier.
Sigħat qabel intefew il-magni li kienu qed jgħinu lit-tifel, il-Papa Franġisku reġa’ għamel appell biex il-ġenituri jitħallew ifittxu trattament alternattiv għal binhom.
Fil-lejl bejn it-Tnejn u t-Tlieta, Imħallef tal-Qorti Ingliża caħad appell tal-ġenituri u ddeċieda li t-tobba fl-isptar Alder Hey setgħu jiefqu jipprovdu għajnuna għal ħajjet Alfie. Id-deċiżjoni ngħata ftit sigħat wara li l-Italja tat iċ-ċittadinanza Taljana liċ-ċkejken Alfie bit-tama li dan ikun trasferit immedjatament lejn l-Isptar Bambino Gesù f’Ruma li offra li jagħtih il-kura medika li għandu bżonn.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Angelino Alfano u l-Ministru tal-Intern, Marco Minniti, ippermettew li Alfie jkun naturalizzat Taljan biex b’hekk ikun jista’ jiġi trasferit immedjatament lejn l-Italja.
L-aħbar mhux mistennija ngħatat waqt li komplew il-protesti quddiem l-isptar f’Liverpool fejn il-ġenituri ta’ Alfie ngħataw ftit sigħat ta’ mistrieħ qabel intfewlu l-magni fis-2am.
Mariella Enoc, President tal-Isptar Bambino Gesù, marret id-dar tal-familja Evans iżda l-awtoritajiet tal-Isptar Alder Hey irrifjutaw li jiltaqgħu magħha u anqas ħallewha tidħol fl-isptar. “Il-Papa talabni nagħmel dak kollu possibbli u anke l-impossibbli għal Alfie”, qalet f’intervista mal-Vatican News.