Alex Perici Calascione jniedi l-proposti

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li jekk ikun elett, il-prijoritajiet tiegħu jkunu li jgħaqqad lill-PN biex jerġa’ jsir rebbieħ.
F’’konferenza tal-aħbarijiet fil-Każin tal-PN f’Tal-Pietà, Dr Perici Calascione qal li l-proposti ħarġu wara konsultazzjoni u diskussjoni mal-membri tal-Kunsill u l-membri tal-PN.
Stqarr kif fl-aħħar 25 sena s-soċjetà għaddiet minn tibdil kbir u li l-PN għandu jibqa’ aġġornat ma’ dan it-tibdil. Saħaq li għalhekk il-PN jeħtieġ jindirizza dan it-tibdil fis-soċjetà anke fi ħdan l-istrutturi tal-Partit.
Spjega li fil-qalba tal-proposti tiegħu hemm li n-nies ikunu l-qalba tal-PN, u li l-PN itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Fost il-proposti tiegħu Dr Perici Calascione ssuġġerixxa li jinħoloq Kumitat Permanenti ta’ Etika fi ħdan il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit u li jkollu statut u regoli ta’ proċedura apposta għalih.
Huwa tkellem dwar l-AŻAD fejn qal li dan għandu jkun iċ-ċentru ta’ diskussjoni politika u tal-iżvilupp tal-ħsieb politiku u għandha taħdem viċin l-istrutturi tal-partit li jkunu qed ifasslu l-politika.
Żied jgħid li jekk ikun elett se jkompli jibni fuq ir-ristrutturar finanzjarju u organizzattiv li sar fl-aħħar erba’ snin.
Temm jgħid li miegħu l-membri tal-PN jafu fejn qegħdin u saħaq li l-PN mhux qiegħed fi żmien li jieħu riskji u li għandu bżonn li jagħżel Kap li jserraħ rasu minnu li se jmexxih ’il quddiem.