Aġġornata bil-filmat: 4 nominazzjonijiet għal Kap tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista rċieva erba’ nomini għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fis-6pm għalaq iż-żmien li wieħed seta’ jressaq in-nomina tiegħu.
Fl-aħħar tlett ijiem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake rċeviet nomina mingħand Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Frank Portelli, u Chris Said.
Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li l-elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali biex jgħaddu żewġ kandidati għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali se ssir is-Sibt 2 ta’ Settembru. Jekk ikun hemm bżonn it-tieni rawnd ta’ votazzjoni, dan isir il-Ħadd 3 ta’ Settembru.
“Tfajt in-nomina għax miż-żmien li għaddej minnu l-PN jista’ joħroġ ħafna ġid” – Alex Perici Calascione
Alex Perici Calascione, tefa’ n-nomina tiegħu llum waranofsinhar. Huwa qal li ħa din id-deċiżjoni għax ħass li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn żmien li jista’ joħroġ ħafna ġid minnu.
Ma’ Newsbook.com.mt, wara t-tnedija tal-kampanja tiegħu, Alex Perici Calascione qal li tefa’ n-nomina tiegħu għax ħass li t-tesserati tal-PN għandhom ikollhom għażla wiesgħa minn fejn jagħżlu, b’nies ta’ karattri u stili differenti.
Dwar il-kariga ta’ kap ta’ partit, Perici Calascione qal li ħadd ma għandu jidħol għal din il-kariga għal xi ambizzjoni personali għax ir-responsabbiltà hija kbira.
Fost il-prijoritajiet tiegħu jekk jintgħażel għal din il-kariga, semma’ li jrid jara li l-PN ikun miftuħ għal kulħadd. Saħaq li b’kuraġġ u b’moħħ miftuħ, il-PN għandu jagħraf xi jrid il-poplu Malti u x’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħu.