Alex Muscat jirtira l-kliem kontra Aquilina wara ruling

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat irtira d-diskors li għamel fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fejn kien qal li dan tal-aħħar “kien bagħat lil ħuh biex jheddu”.

Muscat kien imġiegħel jagħmel dan milll-Ispeaker Anġlu Farrugia li f’ruling qal li l-ebda deputat ma talab il-protezzjoni tal-kamra għax ħassu mhedded mid-demostranti barra l-Parlament, fil-jiem meta kienu saru numru ta’ protesti wara żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għalhekk, is-Segretarju Parlamentari naqas fil-konfront ta’ Aquilina meta stqarr li kien bagħat lil xi ħadd biex jheddu.

Muscat spjega li peress li kien ra lil Robert Aquilina (ħu Karol u president-elett ta’ Repubblika) barra l-bini tal-parlament b’earpiece jieħu l-ordnijiet minn xi ħadd, ħaseb “by association” li kien qed jieħu l-ordnijiet mingħand Karol Aquilina.

“Qed nirtira l-istqarrija li għamilt fil-konfront ta’ Karol Aquilina għax irrid nagħtih il-benefiċċju tad-dubju,” stqarr Muscat.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien talab lill-Ispeaker għal ruling dwar diskors li ntqal mis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat waqt laqgħa tal-kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Muscat qal li d-deputat Nazzjonalista bagħat lill-ħuh, il-President-elett tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina biex joqgħod jheddu waqt il-protesti tas-sena li għaddiet.