Alesha Dixon ta’ Britain’s Got Talent se terġa’ ssir omm

Alesha Dixon. Ritratt: Twitter

Alesha Dixon hi waħda mill-membri tal-ġurija l-aktar favoriti fl-istorja tal-kompetizzjoni televiżiva ta’ Britain’s Got Talent. Filwaqt li hi magħrufa ma’ min isegwi dan il-programm hawn Malta, ħafna Maltin oħra saru jafuha wara li ftit tal-ġimgħat ilu tat il-Golden Buzzer lil Giorgia Borg meta din interpretat il-kanzunetta 10 waqt il-fażi tal-auditions.

Is-semifinali ta’ dan il-programm bdew illum u Borg mistennija tipparteċipa għada t-Tlieta. Dan, filwaqt li llum ħadet sehem Hollie Riseley (Hollie Cassar) flimkien ma’ Gloria Estefan u l-kollegi tagħha fil-kast tal-musical On Your Feet!

Iżda waħda mis-sorpriżi fl-ewwel semifinali tal-lejla kienet l-aħbar li Alesha Dixon se ssir omm għat-tieni darba. Kienet Dixon stess li għamlet uffiċċjali din l-aħbar.

Dixon, li għandha 40 sena, hija miżżewwġa lil Azuka Ononye. Huma kellhom l-ewwel wild tagħhom, Azura Sienna, f’Ottubru 2013.