Album tal-Pink Floyd ivvutat bħala l-Aqwa Rock Album li qatt sar

L-Aktar Album Rock Popolari ta' kull żmien: The Dark Side of the Moon

L-album tal-Pink Floyd, The Dark Side of the Moon, ġie vvuttat bħala l-Aqwa Album Rock li qatt sar. Dan l-album kien inħareġ fl-1973 u minn dak iż-żmien ‘l hawn biegħ aktar minn 45 miljun kopja.

Il-votazzjoni saret mis-sit ta’ loudersound.com u għaliha kkonkorrew eluf ta’ fans tal-mużika rock minn madwar id-dinja, b’aktar minn 500 album differenti li ġew klassifikati.

B’differenza minn votazzjonijiet oħra onlajn fejn dak li jkun jingħata għażla, hawnhekk il-votazzjoni tħalliet b’mod liberu, u b’hekk kull min ħa sehem kien fil-liberta’ li jinnomina l-album favurit tiegħu mingħajr ma’ kien ikkundizzjonat b’xi għażla jew oħra.

Fil-klassifika spikkaw ismijiet ta’ gruppi bħal Judas Priest, Pantera, Genesis, King Crimson, Genesis, Boston u Slipknot, iżda finalment kienu albums ta’ Led Zeppelin, The Beatles, Black Sabbath u Pink Floyd li spiċċaw fuq quddiemnett, b’The Dark Side of the Moon fil-quċċata tal-klassifika.

Il-klassifika finali tal-Aqwa 10 albums tar-rock tpoġġi lil Led Zeppelin bl-album Physical Graffiti fl-10 post u fid-9 lil Iron Maiden b’The Number of the Beast. Fit-tmien post Powerage ta’ AC/DC u Sgt. Pepper’s Lonely Hearts Club Band fis-seba’ post. Fis-sitt post mill-ġdid il-grupp Led Zeppelin din id-darba bl-album IV u fir-raba post Master of Puppets ta’ Metallica.

Fit-tielet post imbagħad nerġgħu nsibu lil AC/DC bl-album Back in Black u fit-tieni post il-Guns N’ Roses b’Appetite For Destruction.

Fil-quċċata, kif semmejna qabel, l-album The Dark Side of The Moon tal-grupp Pink Floyd.