Album ġdid ta’ Avicii sena wara mewtu

Il-familja tad-DJ Żvediż Avicii, li ħa ħajtu b’idejh is-sena l-oħra, ħabbret li se toħroġ sett ta’ kanzunetti li kien qed jaħdem fuqhom qabel mewtu.

Imut DJ Avicii fl-età ta’ 28 sena

Avicii, li kien jismu Tim Bergling, instab mejjet f’Oman bħal-lum sena ilu, fl-età ta’ 28 sena. Familtu qalet li hu kien perfezzjonist li kien taħt stress qawwi u li ma setax ikompli jaffaċċja dan it-toqol tal-ħajja.

Il-qraba tiegħu ħarġu stqarrija li fiha qalu li l-mużika tiegħu m’għandhiex tinżamm fil-privat, imma jridu jxerrduha mal-ammiraturi tiegħu madwar id-dinja. L-ewwel kanzunetta, SOS, ħarġet fl-10 t’April, u l-album sħiħ, bl-isem Tim, se joħroġ fis-6 ta’ Ġunju.

Il-fondazzjoni ta’ Tim Bergling

Il-profitti li jagħmlu mill-kanzunetti se jmorru għall-fondazzjoni Tim Bergling, li twaqqfet wara mewtu biex tqajjem kuxjenza u tgħin lil individwi għaddejjin minn żmien ikrah.

Skont Variety, il-proġett ħa jiffoka fuq nies u organizzazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tas-suwiċidju.

Dokumentarju dwar ħajtu

Fl-ewwel anniversarju minn mewt id-DJ, BBC Three se jxandar dokumentarju bl-isem Avicii: True Stories, b’filmati tad-DJ hu u jivvjaġġa madwar id-dinja. Il-filmati se jinkludu wkoll mumenti personali f’ħajtu u anke ma’ familtu.

“Tim ma kienx postu fil-magna tan-negozju li nqabad fiha” – familt Avicii