Alberto Urso: Ir-rebbieħ ta’ Amici 2019

Alberto Urso ma' Al Bano, f'waħda mill-edizzjonijiet ta' Amici. Ritratt: Mediaset

“Minix wisq tajjeb biex nitkellem. Lanqas biss nista’ nemmen u ninsab f’paniku,” dan kien l-ewwel kliem ta’ Alberto Urso, ir-rebbieħ tat-18-il edizzjoni tar-reality show Amici li xxander ilbieraħ filgħaxija.

“Xejn mhu se jkun faċli li wara din l-esperjenza nmur lura għall-ħajja normali ta’ kuljum,” żied jgħid it-tenur żgħażugħ li kien fost il-favoriti li jirbaħ din l-edizzjoni ta’ Amici għal dawn l-aħħar ġimgħat.

“Qatt ma kelli esperjenza daqshekk sabiħa f’ħajti,” kompla jgħid mimli emozzjoni wara li ntemmet din l-edizzjoni.

Xi jmiss issa għal dan il-kantat ta’ 21 sena Sqalli minn Messina?

Fost il-prijoritajiet tiegħu hemm il-promozzjoni tal-album Solo li tnieda dan l-aħħar. Issa l-fans Taljani se jkollhom anki ċ-ċans li jiltaqgħu mar-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni.

Tibda l-promozzjoni tal-album Solo

L-impenji għalih bdew minnufih u tard bil-lejl, wara li ntemmet it-18-il edizzjoni ta’ Amici, Urso, akkumpanjat minn Maria De Filippi kif ukoll it-tieni klassifikata Giordana, iltaqgħu mal-ġurnalisti għal konferenza stampa.

Minkejja l-ħin tard li spiċċa l-programm, kien hemm entużjazmu biex il-ġurnalisti jieħu l-kummenti tiegħu.

Edizzjoni oħra ta’ Amici spiċċat u issa jibda l-casting tal-edizzjoni li jmiss, id-19-il waħda. Titħajjar tittanta xortik? Tista’ timla l-formola li ssib onlajn f’dan is-sit

http://www.wittytv.it/casting-amici/