Alarm Phone titlef il-kuntatt mat-78 immigrant fl-ibħra Maltin

Read in English.

Alarm Phone qalet li tilfet il-kuntatt mat-78 immigrant li jinsabu fl-ibħra Maltin.

Ilbieraħ, grupp ta’ 78 immigrant intlemħu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija mill-Forzi Armati ta’ Malta. Fuq Twitter l-għaqda Alarm Phone qalet li l-Forzi Armati kkonfermaw li raw lid-dgħajsa u bagħtu bastiment li kien fil-viċin biex isalvahom.

Ma’ Alarm Phone, il-persuni abbord qalu li ilhom tlett ijiem fuq id-dgħajsa u l-mutur ma jaħdimx. Il-persuni abbord huma ġejjin mil-Libja u fosthom hemm żewġ nisa u erbat itfal.

Ma’ Newsbook.com.mt, ilbieraħ kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet li ma għandhom l-ebda dettalji u għaldaqstant idderiġiet il-mistoqsijiet lill-kelliema tal-Gvern. Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern baqgħu mhux imwieġba sa issa.

Fi tweet oħra dalgħodu, l-għaqda qalet li l-aħħar kuntatt li kellha mal-immigranti kien f’11.54pm meta kienu 35 mil nawtiku ‘l isfel minn Malta. L-għaqda ssoktat tgħid li l-Forzi Armati qatgħulha meta din ċemplitilhom għall-informazzjoni.

Sostniet li dawn l-immigranti għandhom jingħataw l-għajnuna.