Alarm Phone tikkundanna “n-nuqqas ta’ responsabbiltà” tal-Gvern Malti

Read in English.

L-NGO Alarm Phone ikkundannat in-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-Gvern Malti fejn jidħol is-salvataġġ ta’ 27 immigrant li jinsabu abbord il-bastiment Maersk Etienne u li issa ilhom hemm għal aktar minn xahar.

Permezz ta’ Tweet, l-NGO ikkundannat il-kliem tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-grupp ta’ immigranti. Ilbieraħ, il-PM Abela qal li l-immigranti kienu salvati għall-ewwel waqt ħidma mit-Tuneżija. Qal ukoll li apparti minn hekk, il-bastiment isalpa b’bandiera tad-Danimarka u għal din ir-raġuni, ir-responsabbiltà tal-immigrant taqa’ f’idejn id-Danimarka.

Il-Ħadd li għadda tliet immigranti minn 27 qabżu l-baħar hekk kif is-sitwazzjoni fuq il-bastiment kompliet teskala.

L-NGO ikkundannat dak li sejħitlu “rifjut krudili tar-responsabbiltà mill-Gvern Malti.”

Il-grupp ta’ 27 immigrant li ħarbu mil-Libja kienu salvati mill-bastiment Etienne fil-5 ta’ Awwissu. Il-bastiment kien intalab isalva lill-grupp ta’ immigranti minn Malta, iżda aktar tard Malta rrifjutat li dawn jitniżżlu fil-pajjiż.