Alan Montanaro lura fil-pantomima

Fil-famuża pantomima festiva ta’ kull sena tal-MADC jirritorna Alan Montanaro bħala kittieb u Dama.

Photo credit: Sebio Aquilina

Read in English.

Il-kumpanija teatrali l-iktar li ilha attiva f’Malta, l-MADC, għal darb’oħra se ttella’ l-pantomima tant popolari tagħha fiż-żminijiet tal-festi li ġejjin – u fiha l-veteran tal-panto Alan Montanaro se jirritorna bis-saħħa, bix-xinxilli u b’erba’ kostumi żul minn hawn.

Montanaro mhux biss kiteb l-iskript għall-produzzjoni ta’ din is-sena – l-ispettakolari Aladdin mid-dinja fantastika tal-Iljieli Għarbin – imma se jirritorna fuq il-palk bħala l-karattru kollu pompa tal-pantomima, id-Dama.

Ritratt: Sebio Aquilina

“Eċitati immens li se nilqgħu lil Alan lura magħna fil-panto ta’ din is-sena, b’Aladdin,” qal id-direttur tal-ispettaklu, Michael Mangion. “Bis-snin twal ta’ esperjenza li għandu fil-panto u, m’għandniex xi ngħidu, il-ħila komika karatteristika tiegħu, Alan żgur se jgħin biex Aladdin ikun l-ispettaklu li jaqsmek bid-daħq u l-avventura maġika li kull sena sirna nistennew mill-pantos tal-MADC.”

Tassew Montanaro kiteb skappatura ħelwa orjentata lejn il-familji u li għandha tieħu lill-udjenza fuq vjaġġ imsaħħar lejn l-Orjent, bi dwal, settijiet ta’ fuq il-palk u effetti li jħalluk bla nifs. L-istorja ssegwi lill-imsejken żagħżugħ Aladdin hekk kif imur fuq vjaġġ kollu intriċċi li jinvolvi spirti u ġenji, ċrieket u lampi maġiċi, xewqat u għeġubijiet, kif ukoll – ma jistax jonqos – ħafna mużika, żfin, drama u pjaċir f’atmosfera eċċitanti.

Għal din il-produzzjoni stellari, flimkien ma’ Montanaro fuq il-palk se jkun hemm kast ta’ aktar minn 30 attur u żeffien, fosthom Stephen Oliver, John Montanaro, Alexander Gatesy Lewis, Jasmine Farrugia, Noel Zarb, Joseph Pavia, Karl Bartolo u Matthew Manfre. Filwaqt li pilastru ieħor tal-panto – u eks Dama – Michael Mangion se jkun qed jidderieġi l-ispettaklu, il-koreografija se tkun f’idejn Francesco Nicodeme, mad-direttur mużikali Ryan Abela, u bil-kostumi stravaganti ddisinjati minn Isabel Warrington.

Ibbukkja kmieni għax il-wirjiet huma limitati. Il-biljetti jiswew €12, €22 u €26 biss, u hemm prezzijiet imraħħsa għat-tfal sa 11-il sena fuq il-biljetti ta’ €22 u €26. Tfal sa sentejn jidħlu b’xejn b’toddler ticket. Żur www.madc.com.mt u bbukkja l-biljetti għall-familja tiegħek illum, biex tidħlu intom ukoll fil-maġija u l-għeġubijiet ta’ Aladdin tal-MADC!

Aladdin tal-MADC se tittella’ fl-MFCC, Ta’ Qali fit-23, 26, 27, 28, 29 u 30 ta’ Diċembru 2019 u fit-3 u l-4 ta’ Jannar 2020 fis-7.30pm, b’wirjiet matinee fit-3pm fis-26, 28 u 29 ta’ Diċembru 2019 u fl-4 ta’ Jannar 2020. Biljetti u aktar informazzjoni jinstabu online fuq www.madc.com.mt

Din l-informazzjoni ġiet imwassla minn MADC.