Alan Galea huwa ż-żagħżugħ li miet fl-inċident tal-Imġarr

Alan Galea inċident fatali Mġarr

Read in English.

Alan Galea, huwa ż-żagħżugħ li tilef ħajtu fl-inċident li seħħ fl-Imġarr tard ilbieraħ filgħaxija.

Huma diversi l-qraba u l-ħbieb li qamu maħsudin għal din l-aħbar traġika. Hu kien għad għandu biss 19-il sena.

Dawk li kienu jafuh, iddeskrivewh bħala żagħżugħ b’qalb kbira u dejjem ferrieħi. Ħafna sostnew li mhux se jinsew iż-żmien li qattgħu miegħu jilgħabu l-futbol jew waqt xi ħarġa bejn il-ħbieb. Ħabib partikolari ddeskrivieh bħala “kaptan tar-rispett u ħabib tal-ġenn”.

Is-Soċjetà Piroteknika 15 ta’ Awwissu wkoll esprimiet id-dieqa tagħha għat-telfa ta’ Galea. Hi għaddiet il-kondoljanzi tagħha lill-qraba ta’ Galea f’dan il-mument diffiċli.

Dalgħodu qommna maħsudin b'lahbar tat-telfa ta Alan Galea li għada għal-ħajja ta dejjem. Inwasslu il-Kondoljanzi…

Posted by Socjeta Piroteknika HmistaxTa Awwissu on Saturday, November 14, 2020

Mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-karozza misjuqa miż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li joqgħod il-Mosta kienet qed tinstaq lejn il-Mosta. Intant, il-karozza l-oħra involuta fl-inċident kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr. Dan kien sejjer fid-direzzjoni lejn l-Imġarr. Maż-żagħżugħ kien hemm passiġġier żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena li wkoll joqgħod il-Mosta.

Minħabba l-impatt qawwi, fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu liż-żgħażagħ mill-karozza. Tim mediku mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei taw l-ewwel għajnuna littliet persuni involuti u wara ttieħdu l-isptar.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li miet ftit wara kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab, waqt li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena weġġa’ b’mod serju.