Aladin bejn il-basla u qoxritha

Filwaqt li l-iżvilupp u l-Kostruzzjoni huma l-aktar ħaġa importanti għas-sultan Sandro Chetcuti fil-belt ta’ Asthmaba, Jafar għandu pjan sabiex jieħu s-saltna f’idejh u jeqred is- siġar kollha, b’hekk iżid fil-bejgħ tal-inhalers. 

Aladin daqxejn ta’ ħalliel li jgħix bil-prekarjat jispiċċa bejn il-basla u qoxritha, u qrib ta’ Jasmin, meta jkun hu li jsib il-lampa maġika u l-ġenju ta’ ġo fiha: id-dama Evġenia! Il- futur ta’ Asthmaba issa f’idejh! Tgħid issalvahom is-siġar jew kulħadd jispiċċa fgat bl-Asthma? 

Ovvja, Aladin, storja li fis-sempliċità tagħha toħloq sitwazzjonijiet komiċi u fejn bl-ingredjenti li jiżdidulha minħabba li hija pantomima żgur li toħloq spettaklu ħaj sħiħ mimli daħk, kulur, xenarju, kant, żfin u reċtar, insomma f’kelma waħda divertiment għall-familja kollha.

“Żammejna ħafna fidili mal-istorja però ovvja li għandna ħafna elementi oħra li n-nies li jiġu jarawha, jieħdu pjaċir u jiddevertu. L-eluf li ġew jarawha diġà jixhdu dan kollu,” qalilna Pawlu Testa il-producer tal-Kumpanija Teatru Rjal li qed jippreżenta għas-19 il-sena konsekuttiva dan l-ispettaklu li dejjem ġibed lejn it-teatru tal-Istitut Kattoliku eluf kbar ta’ nies.    

Rodney Gauci barra li kiteb l-iskript ta’ din il-pantomima huwa wkoll id-dama Melania flimkien ma’ Matthew Sant Sultana bħala Aladin u Michela Galea fir-rwol ta’ Jasmine. Jieħdu sehem ukoll Mario Cassar, Louis Andrew Cassar,  Lee-N Abela, Brian Farrugia, JurgenCiantar, Julie Pomorski, Alexia Micallef, Mariah Mangion, Leah Mifsud, Sergio Agius u Stephen Caruana  b’direzzjoni ta’ Ray Abdilla, korjografija tal-Kinectic Dance Studio b’mużika live b’direzzjoni tas-Surmast Conrad Briffa, kif ukoll bla dubju ix-xenarju xogħol ta’ Marco Bartolo u kostumi minn Noel u Marika tal-Louie Noir.


Fadal l-aħħar żewġ rappreżentazzjonijiet: is-Sibt 4 ta’ Jannar fis-7.30pm u l-Ħadd 5 ta’ Jannar fis 6.30pm. 

Booking onlajn fuq www.ktrmalta.com jew permezz tal-hotline 99476468.