Aladdin jiddomina l-box office internazzjonali; S’issa daħħal $121 miljun

Suċċess internazzjonali għall-film il-ġdid ta’ Disney, Aladdin, hekk kif figuri li għadhom kif inħarġu jindikaw li fl-ewwel weekend minn mindu beda jintwera u kellu dħul ta’ xejn anqas minn $121 miljun.

Il-film, reboot tal-film animat tal-1992, jidher li l-aktar li kiseb suċċess kien fiċ-Ċina fejn fl-ewwel tlett ijiem daħħal $18.7 miljun.

Fis-suq Ewropew, Aladdin daqt ilaħħaq id-dħul ta’ films ta’ suċċess bħal Maleficent u Cinderella. Fir-Renju Unit biss, il-film daħħal $8.4 miljun aktar minn Rocketman u The Secret Life of Pets 2.

Fl-Italja, l-ewwel ġranet ta’ Aladdin iġġenera $6.6 miljun u b’hekk huwa t-tieni l-aktar film ta’ suċċess f’dan il-pajjiż għal din is-sena. Qabblu hemm Avengers: Endgame.

Fi Spanja l-film irreġistra wkoll dħul ferm aktar mis-soltu.

L-attur Żabbari Nathaniel Ellul imniżżel ukoll fil-credits tal-aħħar tal-film Aladdin ta’ Disney

F’dan il-film il-parti ta’ Aladdin jinterpretaha l-attur Eġizzjan-Kanadiż Mena Massoud waqt li Will Smith huwa l-Ġenju. L-attriċi Ingliża Naomi Scott tinterpreta l-parti ta’ Jasmine.

Il-film, li bħalissa qiegħed ukoll jintwera fiċ-ċinema f’Malta, jinkludi s-sehem tal-artist Żabbari Nathaniel Ellul li għandu xena fil-bidu tal-film. Ismu jittella’ wkoll mal-kast fi tmiem il-film.

Għal Ellul, Aladdin mhuwiex l-ewwel film li ħadem fih kemm ilu li mar jittanata xortih f’dan il-qasam fir-Renju Unit.

Fil-fatt, qabel Aladdin, rajnih ukoll f’żewġ films oħra taċ-ċinema, Mamma Mia! Here We Go Again, kif ukoll The Underdog, it-tnejn li huma li ħarġu s-sena l-oħra.

Nathaniel Ellul. Ritratt: Facebook