Al Qaeda: Franza għandha tistenna l-agħar u iktar

Skont is-CNN, fergħa tal-Al Qaeda fl-Afrika ta’ Fuq ħarġet twissija lil Franza li qed tħallas il-prezz għal dik li sejħet “vjolenza” f’pajjiżi Musulmani.
It-twissija ħarġet fuq siti tal-internet ta’ gruppi jiħadisti.
Tgħid li sakemm suldati Franċiżi se jibqgħu jokkupaw pajjiżi bħall-Mali u l-Afrika Ċentrali, u jibqgħu jibbumbardjaw lill-poplu tagħhom fis-Sirja u fl-Iraq, u l-istampa Franċiża tibqa’ tiżżufjetta bil-Profeta Mohammed, Franza se tibqa’ tesponi lilha nnifisha għall-agħar u iktar.
Franza qed tipprova tirkupra mill-attakki tal-aħħar ġranet, li ħallew 17-il vittma flimkien ma’ tlieta minn erba’ terroristi. Ir-raba’ persuna rnexxielha taħrab, aktarx lejn is-Sirja, wara li lbieraħ ġie kkonfermat li dehret f’filmat ta’ cameras tas-sigurtà fit-Turkija.
Sadattant, għada toħroġ l-ewwel edizzjoni tar-rivista satirika Charlie Hebdo wara l-massakru ta' nhar l-Erbgħa. Kelliema għar-rivista diġà qalu li din se jkollha doża sostanzjali dwar il-Profeta Mohammed.