Al Bano u Romina llejla lura f’Sanremo

Wara li fi nhar il-Ġimgħa rajna lil Al Bano jinqala’ mill-kompetizzjoni ta’ Il Cantante Mascherato fuq l-istazzjon Rai Uno, illejla se jkun qed jerġa’ jitla’ fuq palk ieħor, dak tat-teatru Ariston fejn se jsir Sanremo.

Din is-70 edizzjoni ta’ dan il-festival hi waħda speċjali minħabba li se tkun qed tiġi mfakkra l-istorja ta’ dan il-festival u se nkunu qed naraw bosta mistednin partikolari mil-lejla sa’ nhar si-Sibt.

Al Bano llejla se jkun flimkien mal-eks mara tiegħu Romina Power, b’silta ġdida li ġġib l-isem ta’ Raccogli l’Attimo, l-ewwel dwett tagħhom fi żmien 25 sena. Illejla se jkunu qed iniedu wkolll kanzunetta oħra bis-silta Cambierà. Se titwassal ukoll medley ta’ wħud mill-kanzunetti popolari tagħhom.

Dawn il-kanzunetti ġodda qed jinħarġu proprju tlett ijeim qabel ma jitnieda l-album ġdid tagħha fis-7 ta’ Frar li se jkun jikkonsisti fi tmien kanzunetti, fosthom ukoll il-kanzunetta Madre Mia, dedikata għal Yolanda, omm Al Bano, li mietet

Al Bano u Romina Power għandhom storja twila fil-festival ta’ Sanremo. L-ewwel dehra tiegħu f’dan il-festival kien fl-1968 bil-kanzunetta La Siepe u fl-1971 ħa sehem bil-kanzunetta 13, storia d’oggi filwaqt li fl-1974 ikkompeta bil-kanzunetta In controluce.

Kien fl-1982 li Al Bano u Romina Power ddebuttaw fil-festival bħala duo meta ħadu sehem  bil-kanzunetta Felicità li bija kklassifikaw fit-tieni post. Fl-1984  rebħu l-festival b’Ci Sarà filwaqt li fl-1987 u fl-1989 kklassifikaw fit-tielet post bil-kanzunetti Nostalgia Canaglia u Cara terra mia. L-aħħar darba tagħhom flimkien bħala duo kienet fl-1991 bil-kanzunetta Oggi Sposi.

Wara l-għibien ta’ binthom Ylenia, iż-żwieġ tagħhom daħal fi kriżi u d-drabi li Al Bano tela’ fuq il-palk tal-Ariston kien dejjem waħdu, b’kollox seba’ darbiet bejn l-1997 u l-2017.

Il-kanzunetti li se jniedu llejla waqt Sanremo minn għada l-Erbgħa se jkunu qegħdin fuq il-pjattaformi diġitali.