“Aktar żgħażagħ fil-biedja” – Bidwija

Jeanette Borg mill-Fundazzjoni taż-Żgħażagħ ta’ Malta fl-Agrikoltura li tkellmet ma’ bdiewa żgħażagħ qalet li l-interess tagħhom jidher li dejjem qed jikber. Bosta qallha li ma jibdlu xogħlhom ma xejn u li jinsabu kuntenti jaħdmu bħala bdiewa

Dan qalitu waqt li kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar l-użu tal-bexx wara xi rapporti li dehru fil-midja lokali.

Filwaqt li rrimarkat li d-diskussjoni dwar l-użu tal-bexx kienet eżawrita, Borg għamlet referenza għar-riżultati li ġew ippubblikati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li wrew tendenza pożittiva fl-użu tal-bexx matul dawn l-aħħar tliet snin. Borg saħqet li hemm bżonn nimxu l-quddiem, u jekk hemm bżonn jinħadmu linji gwida biex jintużaw mill-istess bdiewa u produtturi.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Malcolm Borg li huwa d-deputat direttur fl-Istitut tax-Xjenza Applikata tal-MCAST u responsabbli mill-Agrikoltura saħaq li l-bdiewa huma nies responsabbli u li jirrispettaw il-liġi. Bħala negozjant, skont Borg, il-bidwi ma jaqbillux jagħmel użu eċċessiv mill-pestiċidi għax ikun qed iżid l-ispejjeż għalxejn.

Kemm Jeanette Borg u Malcolm Borg qablu li l-bdiewa għandhom bżonn jikkordinaw iktar biex iwasslu l-messaġġ tagħhom b’vuċi magħquda.

L-MCCAA tippubblika r-riżultat tal-effetti tal-pestiċidi fl-ikel

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ippubblikat ir-riżultati tal-ittestjar tal-pestiċidi fl-ikel għas-snin 2015, 2016 u l-2017. Il-figuri ppubblikati juru li fl-2017 kien hemm titjib sinjifikanti fir-riżultati u jidher li dan se jkompli jitjieb fl-2018. Madanakollu d-daqs tas-sample kien wisq żgħir sabiex jiddetermina l-andament totali għal din is-sena.

mccaa.org.mt