Aktar xogħol għal persuni b’diżabilità fil-kunsilli lokali

Il-Gvern se jkun qed joħroġ sejħa ta’ interess għal dawk il-Kunsilli Lokali li jixtiequ joffru opportunità ta’ xogħol għal persuni b’diżabilità.
Ix-xogħol huwa maħsub li jkun dak ta’ natura klerikali jew amministrattiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li din is-sejħa hija xhieda ta’ kemm persuni b’diżabilità li diġà jaħdmu fil-kunsilli lokali huma ħaddiema siewja u produttivi.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li din l-iskema hija bħala pass ieħor importanti biex il-Kunsilli Lokali jkomplu jkunu qrib in-nies u ma jkunux biss hemmhekk sabiex joffru servizz liċ-ċittadin iżda ukoll sabiex jagħtu opportunitajiet ukoll.
L-iskema għandha valur ta’ madwar €200,000 u hija miftuħa għall-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Regjunali li ma bbenefikawx minn sejħiet simili preċedenti.
Permezz ta’ din l-iskema, Buontempo tenna li persuni b’diżabilità se jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jiksbu d-dinjità li tixraqilhom ta’ membri sħaħ fis-soċjetà Maltija.