“Mexxi, mexxi, mexxi” – Schembri dwar il-pjan biex tinqatel Daphne skont Yorgen

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud?

  • Keith Schembri ġie arrestat darbtejn; l-ewwel darba meta “tilef il-mowbajl”
  • Keith Schembri ta’ 3 stqarrijiet lill-Pulizija: waħda ta’ sagħtejn, oħra ta’ siegħa u oħra ta’ 40 minuta
  • Meta arrestaw lit-Tabib Adrian Vella (it-tabib ta’ Fenech) ma kinux jafu li kien it-tabib ta’ Keith Schembri wkoll.
  • Il-Pulizija bagħtet għal Kenneth Camilleri darbtejn. Camilleri jgħid li lil Yorgen Fenech ma jafux u qatt ma ltaqa’ miegħu.
  • L-investigazzjoni fuq Keith Schembri ma spiċċatx
  • Lawrence Cutajar kellu telefonati mal-Ġojja f’Ġunju li għadda; għadhom qed jiġu investigati
  • Lil Melvin Theuma l-Pulizija interrogatu seba’ darbiet
  • Ma jafx jekk Theuma għandux iktar rikordings li ħbiehom meta kien jaf li se jiġi arrestat

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra?

  • Fl-interrogazzjoni Yorgen qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu fil-pjan tal-qtil ta’ Daphne
  • Fl-interrogazzjoni Yorgen qal lill-Pulizija li l-eks PM tkellem darbtejn miegħu fuq il-każ. Preżenti kien hemm Keith Schembri.
  • “Mexxi, mexxi, mexxi”, qal Keith Schembri lil Yorgen Fenech meta sema’ bil-pjan ta’ Theuma biex tinqatel Daphne
  • Meta ġie arrestat Melvin Theuma, Keith Schembri ċempilli 30 darba, waħda f’waħda – Yorgen lill-Pulizija
  • “Jien kont bejn il-basla u qoxritha, bejn Melvin u Keith Schembri, dażgur li kelli għalfejn ninkwieta,” qal Yorgen
16:12 Grazzi mill-ġdid talli segwejtuna. It-Tnejn inkomplu bil-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra mill-Avukat Jason Azzopardi, u se jitressaq ukoll xhud mill-parte civile.
Sephora Francalanza
16:12 Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu.
Sephora Francalanza
16:05 Id-Difiża titlob ukoll li l-Qorti taħtar espert sabiex jekk tingħata awtorizzazzjoni mill-maġistrati inkwerenti li qed imexxu l-inkjesti relattivi, issir kopja tal-informazzjoni diġitali fuq il-laptops u l-apparat diġitali l-ieħor tal-familja ta' Melvin Theuma, kif ukoll fuq il-mowbajls ta' Theuma, lil hinn minn dawk li diġà ttieħdet informazzjoni minnhom.
Sephora Francalanza
16:02 Il-Prosekuzzjoni mhix toġġezzjona għal dan.
Sephora Francalanza
16:01 It-talba hi għat-telefonati minn Novembru sal-lum.
Sephora Francalanza
16:00 Id-Difiża tagħmel talba biex jitressqu rappreżentanti tal-provdituri tas-servizz tat-telefonija dwar it-telefonati li saru bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u Edwin il-Ġojja.
Sephora Francalanza
15:59 Grazzi talli bqajtu ssegwu dan il-blogg minkejja li ddewwimna mhux ħażin illum!
Sephora Francalanza
15:58 Is-seduta tal-lum se tintemm hawn, u s-seduta li jmiss se tkun nhar it-Tnejn li ġej fil-11am.
Sephora Francalanza
15:57 Il-midja tintalab ma tirrappurtax fuq kwistjoni partikolari li tissemma fil-qorti minħabba li din kwistjoni sensittiva.
Sephora Francalanza
15:57 "Mela aħna ma ninvestigawx?!" jistaqsi Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
15:56 Id-Difiża mill-ġdid terġa' tqajjem il-kwistjoni li donnha l-parte civile taf informazzjoni li għandha l-Prosekuzzjoni mill-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
15:50 L-Ispettur Zahra jgħid li fl-ebda punt ma jidher li Fenech ipprova jwaqqaf il-qtil.
Sephora Francalanza
15:50 Fl-interrogazzjoni Fenech baqa' jsostni li hu kien qed jipproteġi lil Keith Schembri minn Melvin Theuma wkoll, kien qed jgħattilu.
Sephora Francalanza
15:50 L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li beda juża l-kelma "rikatt" flok "theddid" għax Melvin Theuma kien l-unika persuna li seta' jimplika lil Yorgen Fenech fil-qtil.
Sephora Francalanza
15:47 "Kellu xi ħaġa fuqek Theuma biex qed tħossok rikattat? X'kien se jiġri?" staqsa l-Ispettur lil Fenech waqt l-interrogazzjoni.
Sephora Francalanza
15:46 Dr Azzopardi jikkjarifika li fir-rikordings fl-ebda punt Fenech ma semma li qed iħossu mbeżża'. L-Ispettur jgħid li fl-opinjoni tiegħu, mir-rikordings, Fenech u Theuma kienu amikevoli.
Sephora Francalanza
15:45 L-Ispettur jgħid li kompla jistaqsi lil Fenech għaliex ma semmiex l-arma la kien jaf li Theuma kien qed jirrekordjah.
Sephora Francalanza
15:43 Terġa' tissemma l-arma ġol-kalzetta ta' Melvin Theuma, u meta darb'oħra Melvin allegatament poġġa arma fuq il-mejda tal-uffiċċju ta' Yorgen Fenech. Dan meta kien qed jiġi rrekordjat.
Sephora Francalanza
15:43 Rabta bejn dawn iż-Żebbuġin u Keith Schembri għad m'hemmx, qal l-Ispettur, iżda dawn il-persuni huma magħrufin mal-Pulizija.
Sephora Francalanza
15:42 Fl-interrogazzjoni Fenech jgħid li ċ-Chief of Staff tal-PM kien ċempillu biex jgħid lil Melvin javża lil ta' Ħaż-Żebbuġ.
Sephora Francalanza
15:40 Jissemmew xi nies minn Ħaż-Żebbuġ bil-laqam fl-interrogazzjoni ta' Yorgen Fenech. Dawn ġew arrestati fost numru ta' persuni oħra, fl-ewwel ġranet wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
15:37 Hemm konverżazzjonijiet oħra ma' Joseph Muscat, jgħid l-Ispettur.
Sephora Francalanza
15:32 Fil-mowbajl ta' Fenech instabu chats fejn ikkonfermaw li Fenech mar il-party tal-Girgenti, imma hemm chat li tikkontradixxi li qal Fenech dwar dan. Joseph Muscat jistaqsih ħax pjaċir, imma Fenech qallu li ma kellmux għax kien imdawwar bin-nies u hu daqsxejn mistħi.
Sephora Francalanza
15:32 Saħansitra Melvin Theuma kien jaf bl-elezzjoni bikrija.
Sephora Francalanza
15:31 Fenech kien jaf li se ssir l-elezzjoni bikrija fl-2017 f'Diċembru tal-2016, itenni l-Ispettur Zahra.
Sephora Francalanza
15:30 Waqt l-interrogazzjoni Fenech ma ta l-ebda aktar informazzjoni fuq 17 Black. L-Ispettur Zahra jgħid li hemm affarijiet li ma jistax jikkummenta fuqhom b'rabta ma' dan minħabba li għaddejja l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
15:29 L-Ispettur: "17 Black tiegħek?"
Fenech: "Fil-mument opportun nikkummenta."
Sephora Francalanza
15:28 Fenech qal lill-Pulizija li għaddielu diversi flus lil Theuma għax kien iħossu "mhedded." L-Ispettur issuġġerixxa hux "rikattat" u Fenech qabel.
Sephora Francalanza
15:24 Esprima li ħassu għaliex għandu jinkwieta Fenech?
Ikkwotat fil-qorti:

"Jien kont bejn il-basla u qoxritha, bejn Melvin u Keith Schembri, dażgur li kelli għalfejn ninkwieta," qal Yorgen lill-Ispettur Zahra fl-interrogazzjoni.
Sephora Francalanza
15:23 L-Ispettur jgħid li Fenech ma spjegalux għaliex dejjem wieġeb li se jitkellem "fl-istadju opportun."
Sephora Francalanza
15:22 "L-istadju opportun qatt ma wasal," jikkonferma l-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
15:21 Oriġinarjament kienu €120,000, wara telgħu €150,000. Yorgen Fenech juri li jaqbel b'rasu meta dan jingħad fil-qorti.
Sephora Francalanza
15:19 L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li hawn qed jiddiskutu l-pjan ma' Degiorgio ta' ħlas ta' €30,000 bil-quddiem u €120,000 wara li jseħħ il-qtil. L-Ispettur kien qed jipprova jidħol fid-dettall biex jara Fenech x'se jgħid fuq dan il-pjan.
Sephora Francalanza
15:18 Dr Azzopardi jistaqsi lill-Ispettur fuqiex kien qed jistaqsi meta Fenech wieġbu diversi drabi "fl-istadju opportun."
Sephora Francalanza
15:17 L-għada Fenech kellu jagħmel stress test.
Sephora Francalanza
15:16 Mill-istqarrija: "Ċempilli xi 30 darba – tistgħu tistaqsu lill-mara – waħda f'waħda."

L-Ispettur Zahra jispjega li Yorgen Fenech hemmhekk beda jgħid għal Keith Schembri dakinhar li ġie arrestat Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
15:14 Mill-interrogazzjoni: Fenech qal lill-Pulizija li kien infurmat minn Keith Schembri meta se jsir ir-rejd fuq Melvin Theuma, meta sar u li dan kien arrestat.
Sephora Francalanza
15:12 Mill-istqarrija Dr Azzopardi jaqra silta li fiha Fenech jgħid lill-Pulizija li Schembri kien informa lilu u lil mart Fenech li fil-gazzetta tal-Ħadd kien ħiereġ artiklu dwaru u riedu jżommuh kwiet Għawdex għall-weekend.
Sephora Francalanza
15:10 L-Ispettur Zahra jgħid li l-informazzjoni mhux hu talabha lill-provdituri tas-servizz, imma jistgħu jistaqsu lill-Ispettur Arnaud dwarha.
Sephora Francalanza
15:09 Jaqbżu issa għal parti oħra mill-istqarrija dwar Dr Adrian Vella.
Sephora Francalanza
15:08 Mill-istqarrija nstema' wkoll li Fenech qalilhom li se jsibu ritratt ta' messaġġ mingħand Keith Schembri, li fih qallu, "Le, kwiet" lejlet l-arrest ta' Fenech, biex jindikalu kif kienu l-affarijiet.
Sephora Francalanza
15:07 "Huma xtaqu jħarrbuni jumejn qabel," qara Dr Azzopardi. "Huma" tirreferi għal Dr Adrian Vella u Keith Schembri, jispjega l-Ispettur Zahra.
Sephora Francalanza
15:07 Din is-silta mill-interrogazzjoni tirrigwarda l-ħarba ta' Yorgen, u l-materjal tiegħu li kien inġabar mill-Pulizija.
Sephora Francalanza
15:06 L-Avukat Azzopardi issa jitlob lill-Qorti tgħaddilu l-istqarrija li ta Yorgen Fenech lill-Pulizija. Dr Azzopardi jibda jaqra minnha.
Sephora Francalanza
15:04 Id-Difiża toġġezzjona għax tgħid li Dr Azzopardi kien jaf li ntużat il-kelma "fishy." Tistaqsi kif kien jaf Dr Azzopardi. "Misskom tistħu," jgħajjat l-Avukat Charles Mercieca.
Sephora Francalanza
15:02 Dr Azzopardi staqsa lix-xhud domanda dwar kelma partikolari li ntużat fiċ-chat bejn Yorgen Fenech u l-Kaptan Wood.
Sephora Francalanza
15:02 "Għax ma kellek xejn x'taħbi," jinstema' jgħid l-Avukat Charles Mercieca lil Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
14:55 Chat bejn il-Kaptan tal-jott Logan Wood u Yorgen Fenech: fiha Fenech jinsisti kemm-il darba biex jixgħel l-apparat biex id-dgħajsa tkun tista' tiġi tracked. Din raha stramba, qal l-Ispettur. Logan Wood qal li tidher inqas "fishy" jekk jixegħlu l-apparat.
Sephora Francalanza
14:54 L-Avukat Azzopardi jistaqsi dwar l-istqarrija li ta Yorgen Fenech lill-Pulizija, mentri d-Difiża toġġezzjona, għal darb'oħra.
Sephora Francalanza
14:53 Kultant ħin, Yorgen Fenech donnu joġġezzjona għal li qed jingħad u jkellem lill-Avukat Gianluca Caruana Curran, hu u jxengel rasu.
Sephora Francalanza
14:53 Il-Qorti titlob lill-Prosekuzzjoni, il-parte civile u d-Difiża biex ma jgħaddux kummenti bejniethom.
Sephora Francalanza
14:52 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li hu ma kellu l-ebda parir x'jagħti lill-Avukat Jason Azzopardi. "Stajt tajtni parir," jgħid l-Avukat Azzopardi lill-Ispettur Arnaud, "la kont toqtol u lanqas ixxaħħam."
Sephora Francalanza
14:52 Mistoqsi jekk hemmx evidenza ta' din it-telefonata, l-Ispettur Kurt Zahra jgħid li se jiċċekkja.
Sephora Francalanza
14:51 Id-Difiża terġa' tqajjem l-oġġezzjoni dwar id-domandi tal-parte civile, għax skontha, qed isiru biex jaġevolaw il-prosekuzzjoni tal-imputat.
Sephora Francalanza
14:51 Kellhom indikazzjoni li Keith Schembri, qabel ma ġie arrestat Fenech, kien qed jikkomunika miegħu, aktarx kellu telefonata miegħu ta' 30 minuta, iżda l-Ispettur Zahra jitlob li dan jiġi konfermat.
Sephora Francalanza
14:50 Fiċ-chats kien hemm imniżżel "K." Il-Pulizija fehmet li din kienet tirreferi għal Keith Schembri.
Sephora Francalanza
14:49 Yorgen Fenech kien qed jibgħat messaġġi b'posts fuq il-midja soċjali ta' Franco Debono u Jason Azzopardi, jikkonferma l-Ispettur.
Sephora Francalanza
14:42 Kienet daħlitilhom informazzjoni li Yorgen Fenech kien se jipprova jaħrab.
Sephora Francalanza
14:42 Bdew jieħdu informazzjoni mingħand Melvin Theuma li kien diġà arrestat.
Sephora Francalanza
14:41 L-Ispettur Kurt Zahra ma kienx preżenti meta ġie arrestat Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
14:41 Il-ġurnata tal-arrest f'Novembru tal-2019. L-Avukat Azzopardi jitlob lill-Ispettur Zahra jispjega x'wassal għad-deċiżjoni tal-arrest tal-imputat.
Sephora Francalanza
14:40 Dan peress li Melvin Theuma nstema' jagħmal referenza għal "dak tat-torri" u anke għal argument li sar bejniethom.
Sephora Francalanza
14:39 Mistoqsi meta Yorgen Fenech sar suspettat fl-investigazzjoni, l-Ispettur jgħid li fi tmiem tal-2018, bidu tal-2019 infurmah l-Ispettur Keith Arnaud dwar dan.
Sephora Francalanza
14:38 Jistaqsi lill-Ispettur Kurt Zahra jekk Fenech kienx involut jew għandux assoċjazzjoni ma' insettiċidi, pestiċidi, eċċ.

Id-Difiża toġġezzjona peress li Zahra qatt ma xehed dwar dan.

Zahra jgħid li ma rriżultax li Fenech għandu xi assoċjazzjoni m'hekk.
Sephora Francalanza
14:36 Ikompli bil-mistoqsijiet tiegħu l-Avukat Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
14:34 Dwar l-oġġezzjoni tad-Difiża biex il-parte civile tistaqsi lix-xhud imressaq mill-Prosekuzzjoni, il-Qorti tgħid li hu evidenti li l-parte civile tingħata ċerti drittijiet, u li l-irwol tal-parte civile hu jieħu sehem attiv fil-proċeduri, iżda mhux li jkun sostitut tal-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
14:32 Il-Qorti ssib lill-Avukat Jason Azzopardi ħati ta' disprezz lejn il-Qorti.
Sephora Francalanza
14:30 L-Avukat Jason Azzopardi jgħid li ma kienx kumment personali, imma li l-parte civile temmen li d-Difiża qed tipprova tħawwad il-proċedimenti tal-Qorti.
Sephora Francalanza
14:29 L-Avukat ikompli billi jistieden lill-Avukat Azzopardi jirtira l-kumment li għadda li "moħħ l-avukat mhuwiex ċar."
Sephora Francalanza
14:28 L-Avukat Mercieca jiġbed għall-attenzjoni tal-Qorti kummenti li għadda l-Avukat Azzopardi dwar Mercieca stess, li li qed jgħid hu "ħela ta' ħin" u kummenti dispreġjattivi oħra.
Sephora Francalanza
14:27 Mercieca joġġezzjona għall-mistoqsijiet diretti mill-parte civile lill-Prosekuzzjoni, billi jgħid li din parti mill-istrateġija taż-żewġ oqsma.
Sephora Francalanza
14:24 L-Avukat Azzopardi jgħid li l-Qorti missha tara kif jitkellem l-Avukat Mercieca. L-Avukat Mercieca jgħid, "Mela tifel żgħir?" b'referenza għall-Avukat Azzopardi.
Sephora Francalanza
14:23 F'dan l-istadju, id-Difiża toġġezzjona li jsiru mistoqsijiet mill-parte civile. Il-Qorti ma tilqax din l-oġġezzjoni.
Sephora Francalanza
14:22 L-Avukat Azzopardi jistaqsi x'kien ix-xogħol ta' Yorgen Fenech. Direttur, CEO, ta' kumpaniji tad-divertiment, lukandi, casino, catering, iwieġeb l-Ispettur Zahra.
Sephora Francalanza
14:22 Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:22 L-Avukat Jason Azzopardi se jagħmel kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
14:17 Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud, l-Ispettur Kurt Zahra jikkjarifika li għalkemm l-istqarrija tal-bidu ta' Yorgen Fenech ma kinitx ġiet iffilmjata, kienu ttieħdu notamenti.
Sephora Francalanza
14:17 L-Ispettur jikkjarifika li d-Difiża ngħatat aċċess għar-rikordings kollha li kellhom sa dak il-ħin.
Sephora Francalanza
14:15 L-Ispettur Zahra jgħid li d-Difiża ta' Fenech kellha aċċess għar-rikordings kollha. Id-Difiża toġġezzjona, anke Yorgen Fenech jidher ixengel rasu.
Sephora Francalanza
14:14 L-Ispettur Zahra jkompli bix-xhieda tiegħu. Jgħid li lil Fenech staqsieh fuq il-€150,000 li Alfred Degiorgio talab lil Theuma. Fenech jikkoreġih għax għall-ewwel kienu €120,000 u wara saru €150,000.

Meta mistoqsi biex jelabora, Fenech wieġeb, "Nirrispondi fi stadju opportun."
Sephora Francalanza
14:13 Id-Difiża tibda toġġezzjona għax tissuspetta li l-Prosekuzzjoni għandha xi konverżazzjonijiet bejn Fenech u l-avukati tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tiċħad.
Sephora Francalanza
14:12 Dawn iċ-chats mhumiex esebiti fil-qorti.
Sephora Francalanza
14:12 Lill-qarib tiegħu Fenech qallu "Ħudli ħsieb it-tfal." Kien sejjer Franza u bdew jiddiskutu fiċ-chat jekk l-ajruport hux sigur.
Sephora Francalanza
14:12 Fid-19 ta' Novembru filgħodu Fenech għamel kuntatt mal-avukat, l-avukat mar għandu.
Sephora Francalanza
14:08 Chat ta' Yorgen Fenech ma' familtu li bdiet fit-18 ta' Novembru, 2019 li fiha qarib ta' Fenech bagħatlu artiklu tat-Times of Malta. Fid-19 ta' Novembru, qaribu staqsieh jekk semax mingħand Keith Schembri. Fenech jgħidlu li kollox kwiet.
Sephora Francalanza
14:07 Fenech ma kienx infurmat dwar fejn se jħarrbuh.
Sephora Francalanza
14:06 Fenech ġie arrestat fl-20 ta' Novembru, 2019, meta insista li ma kienx se jaħrab imma kien sejjer Pozzallo. Qalilhom li kieku ried jaħrab, kien jaħrab jumejn qabel meta tela' Għawdex mat-Tabib Adrian Vella u kellem lil Keith Schembri bil-mowbajl meta Schembri allegatament qallu, "Ħa nimmissjawk." Dakinhar kellhom pjan biex jaħrab lejn Tuneż u jibqa' sejjer Dubaj.
Sephora Francalanza
14:06 Iżda darba Schembri għadda lil Fenech biex jgħaddihom lil Theuma bejn €85,000 u €80,000.
Sephora Francalanza
14:05 Fenech ħassu li ried jipproteġi kemm lilu nnifsu u anke lil Keith Schembri.
Sephora Francalanza
14:04 Darba minnhom Theuma kellu arma fil-kalzetta u kien qed jistenna lil Fenech fir-razzett ta' Ħaż-Żebbuġ (qal li kellu jmur il-Marsa għax kien hemm xi inkwiet), darb'oħra Theuma kien qed jistenna lil Fenech fejn jitilqu wlied Fenech għall-iskola, u darb'oħra fl-uffiċċju ta' Fenech, Theuma anke poġġa arma fuq il-mejda.
Sephora Francalanza
14:03 Dan peress li Theuma mhux l-ewwel darba beda jagħmel referenza għal dokument tiegħu li jgħid li l-mandanti tal-qtil kienu Keith Schembri u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
14:02 L-Ispettur jistqarr li Fenech qalilhom li "kien iħossu mhedded," għax "dawn l-agħar nies."
Sephora Francalanza
14:01 Minflok tah €30,000, Fenech ta lil Theuma €50,000. Fl-istqarrija, Fenech qal li dawn il-flus ma ħariġhomx għall-qtil imma biex jeħles minn Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
14:00 Theuma qal lil Fenech hu jwasslu l-ajruport darba li hu [Theuma] kien diġà ħareġ €30,000 għall-qtil tal-ġurnalista, allura kien kommess li l-pjan jitwettaq.
Sephora Francalanza
14:00 "Mexxi, mexxi, mexxi," qal Keith Schembri lil Yorgen Fenech meta sema' bil-pjan ta' Melvin Theuma biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:00 Mistoqsi jekk ħariġhomx, Fenech qal lill-Pulizija, "Nirrispondi fi stadju opportun." Kien iwieġeb hekk ta' sikwit, aktar minn 24 darba.
Sephora Francalanza
13:59 Sehem Fenech kellu jkun ta' €120,000, skont kif qallu Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
13:59 Fenech kellem lil Schembri fuq il-pjan ta' Theuma.
Sephora Francalanza
13:56 Fenech jiddistingwi bejn il-ħbieb u l-klikka ta' Melvin Theuma – Melvin Theuma kien qed jieħu ħsieb jaħmi l-pjan biex tinqatel il-ġurnalista.
Sephora Francalanza
13:55 Fenech qal li Schembri kien jagħmillu pressjoni biex joħroġ il-flus għall-assassinju.
Sephora Francalanza
13:54 Dak iż-żmien, Keith Schembri kien imur għand Fenech kuljum biex jipprova jara kif "jeħles minn Daphne Caruana Galizia." Madankollu, Fenech ma kienx attivament beda jaħdem fuq dan.
Sephora Francalanza
13:53 L-Ispettur jgħid li Fenech qalilhom li Keith Schembri għaddielu informazzjoni li qed jiġi tracked, Schembri qallu joqgħod attent kif jitkellem, imma hu ma ħassx li għandu għalfejn joqgħod attent.
Sephora Francalanza
13:52 Yorgen Fenech qal li Keith Schembri beda b'messaġġi diretti u indiretti biex tinqatel Daphne Caruana Galizia għall-ħabta tal-2014, sena wara li tela' l-Partit Laburista fil-Gvern.
Sephora Francalanza
13:52 L-Ispettur Zahra jgħid li mhux konxju li kellu jsir rejd dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
13:51 Il-Girgenti l-PM informa lil Yorgen Fenech li se jsir rejd fuq Melvin Theuma f'Ġunju tal-2019.
Sephora Francalanza
13:50 Fl-interrogazzjoni tiegħu, Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li l-eks PM tkellem darbtejn miegħu fuq il-każ – darba minnhom bagħat għalih f'Kastilja u staqsieh jekk jafdax lil Melvin Theuma. Preżenti għal-laqgħa kien hemm Keith Schembri. Id-darba l-oħra fil-birthday party li Muscat organizza fil-Girgenti.
Sephora Francalanza
13:49 Meta qalilhom li l-pjan beda minn Keith Schembri, insista li kien hemm 3 persuni oħra li kienu jafu b'dan: l-eks PM Joseph Muscat, it-Tabib Adrian Vella u Johann Cremona.
Sephora Francalanza
13:49 L-Ispettur jistqarr li Yorgen Fenech ried jgħid l-istorja hu qabel ma l-Ispettur jistaqsi l-mistoqsijiet tiegħu.
Sephora Francalanza
13:48 L-Ispettur ikompli jgħid li madankollu, Fenech qal li l-pjan ma bediex minnu, imma allega li kien Keith Schembri li qabbdu jsib lil xi ħadd biex iwettaq dan il-qtil.
Sephora Francalanza
13:48 Iqum bil-herra l-Avukat Mercieca u jgħid li dan mhux minnu. Il-Maġistrat tħalli lill-Ispettur ikompli.
Sephora Francalanza
13:46 L-Ispettur jgħid, "Fl-interrogazzjoni qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu fil-pjan ta' dan il-qtil."
Sephora Francalanza
13:46 B'hekk, l-Ispettur Kurt Zahra wettaq l-interrogazzjoni hu stess flimkien ma' uffiċjal ieħor, minflok Arnaud.
Sephora Francalanza
13:45 Għall-interrogazzjoni inizjalment daħlu Arnaud u Zahra, l-avukati ma ridux li jiġi interrogat għax it-tweġiba li l-proklama ma ngħatatx, ma ngħatax bil-miktub, u għax ma ridux li l-Ispettur Keith Arnaud ma jkomplix bl-investigazzjonijiet.
Sephora Francalanza
13:43 L-Ispetturi Zahra u Arnaud kitbu rapport li inkluda wkoll l-investigazzjoni li kienu ilhom iwettqu għal sentejn. Kien hemm għadd ta' diskrepanzi bejn dak li xehed Fenech meta kien qed jistenna tweġiba fuq il-proklama u wara li din iċċaħħditlu.
Sephora Francalanza
13:42 L-ewwel interrogazzjoni bil-filmat saret fid-29 ta' Novembru, 2019. It-tieni, it-tielet u r-raba' fit-30 ta' Novembru, 2019.

Bejn l-ewwel u t-tieni parti tal-istqarrija kien hemm rikors mid-Difiża ta' habeas corpus li baqa' ma ntlaqax.
Sephora Francalanza
13:41 Bid-differenza ta' dak li sar ma' Melvin Theuma, Fenech ċaħad li jittieħdu filmati waqt l-interrogazzjoni ta' qabel ġiet miċħuda l-proklama.
Sephora Francalanza
13:41 Fit-tieni fażi ttieħdet stqarrija ta' Yorgen Fenech li hi maqsuma fuq 4 CDs awdjoviżivi. Dan wara li t-talba tiegħu għall-proklama ġiet miċħuda.
Sephora Francalanza
13:40 L-investigazzjoni maqsuma fuq 3 fażijiet: l-arrest ta' 3 persuni, l-arrest ta' Melvin Theuma u Yorgen Fenech, u l-fażi kurrenti fejn hemm numru ta' investigazzjonijiet għaddejjin, mhux biss relatati mal-omiċidju imma anke fuq ħasil tal-flus, korruzzjoni, eċċ.
Sephora Francalanza
13:39 L-Ispettur jgħid li għandu 2 dokumenti li se jirreferi għalihom kontinwament tul ix-xhieda tiegħu.
Sephora Francalanza
13:39 Tidħol il-Maġistrat u jitla' jixhed l-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
13:38 Lura fl-awla. Kulħadd hawn, jonqos biss il-Maġistrat Rachel Montebello.
Sephora Francalanza
13:30 Bħalissa ninsabu fil-kuritur tal-qorti nistennew li terġa' tinfetaħ l-awla. Għadu kemm wasal Yorgen Fenech immanettjat flimkien mal-uffiċjali armati.
Sephora Francalanza
12:57 Il-Qorti sospiża għal nofs siegħa. Wara nkomplu bil-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
12:51 Il-kontro-eżami mill-ġdid sospiż.
Sephora Francalanza
12:51 Dawn ir-rikordings diġà huma ppreżentati fl-inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
12:50 Il-qraba ta' Melvin Theuma nstabulhom xi rikordings – ħafna minnhom huma kopji ta' dawk li diġà għandhom f'idejhom; hemm madwar 12-il rikording differenti minn dawk tal-kaxxa. Dawn huma bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, u bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Sephora Francalanza
12:48 L-Ispettur Arnaud jgħid li le.
Sephora Francalanza
12:47 Mill-apparat li l-Prosekuzzjoni tat lid-Difiża 88-90, l-Avukat Mercieca jistaqsi hemmx oħrajn moħbija jew li għadhom ma ġewx preżentati.
Sephora Francalanza
12:47 L-Avukat Mercieca għandu aktar mistoqsijiet għall-Ispettur Arnaud.
Sephora Francalanza
12:44 Issa Arnaud jippreżenta lill-Qorti notamenti li kien ħa waqt seduti preċedenti, kif ukoll informazzjoni li ġab miegħu Arnaud.
Sephora Francalanza
12:42 Sospiż il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
12:42 Mercieca jitlob lil Arnaud jikkonferma li, iżda, Theuma ngħata l-proklama għal dan il-każ. Arnaud jikkonferma.
Sephora Francalanza
12:41 Arnaud jgħid li din ma jifhimhiex għax instabet biżżejjed evidenza kontra Theuma.
Sephora Francalanza
12:39 L-Avukat Mercieca jistaqsi lil Arnaud x'inhi r-reazzjoni tiegħu jekk jgħidlu li Theuma għandu aktar rikordings li ħbiehom meta kien jaf li se jiġi arrestat.

"Assolutament ma nafx," jisħaq l-Ispettur Arnaud.
Sephora Francalanza
12:38 Wara dawn il-leaks kollha, Arnaud ma ħassx li kellu jistaqsi lit-tim tiegħu, ladarba hemm inkjesta maġisterjali għaddejja fuq dawn il-leaks.
Sephora Francalanza
12:37 Jgħid li meta kien hemm leaks mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech ta' konverżazzjonijiet mal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa għadda rapport lil min qed jinvestiga l-leaks. Arnaud mhuwiex parti minn din l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
12:36 L-Ispettur Arnaud jgħid li mhuwiex infurmat bir-rapporti ta' dalgħodu.
Sephora Francalanza
12:35 L-Avukat Mercieca jsemmi li sa dalgħodu stess, fuq il-midja, kien hemm leaks mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:35 Il-pulizija li qed jaħdmu fuq il-każ min-naħa tat-Task Force għandhom ukoll aċċess għal din l-informazzjoni miksuba mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:33 Mistoqsi mill-Avukat Mercieca, l-Ispettur jgħid li ma jafx min aktar talab kopja għal din l-informazzjoni waqt l-inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
12:30 L-Avukat Mercieca u l-Ispettur Arnaud jiddibattu fuq il-kopji tal-informazzjoni li tittieħed mill-apparat diġitali.
Sephora Francalanza
12:26 L-Avukat jistaqsi kemm-il kopja hemm tal-informazzjoni fuq il-mowbajl ta' Yorgen Fenech: hemm żewġ kopji, waħda għall-Prosekuzzjoni u l-oħra għat-Task Force.
Sephora Francalanza
12:26 Il-mowbajl ta' Fenech ġie esebit fl-inkjesta tal-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia mmexxija mill-Maġistrat Neville Camilleri.
Sephora Francalanza
12:25 L-Avukat Mercieca jistaqsi lill-Ispettur bħala Kap tat-Task Force, meta saret il-kopja tal-informazzjoni fuq l-apparat diġitali.
Sephora Francalanza
12:25 Il-Pulizija jkollha biss kopja tal-informazzjoni fuq dan l-apparat.
Sephora Francalanza
12:24 Il-mowbajl ta' Yorgen Fenech qiegħed ukoll għand l-esperti tal-Qorti.
Sephora Francalanza
12:23 Jiddiskutu issa l-laptops l-oħrajn li ġew elevati minn Melvin Theuma u qrabatu. Arnaud jgħid li dawn qegħdin għand l-esperti tal-Qorti, meta Mercieca jakkużah li jaf fejn qegħdin.
Sephora Francalanza
12:21 Arnaud jikkjarifika li talab liż-żewġ maġistrati inkwerenti (Maġistrat Gabriella Vella u Maġistrat Neville Camilleri) biex ikollu kopja tal-kontenut tal-apparat diġitali. Kien jaf għax il-kaxxa nfetħet quddiemu, u Theuma qallu li l-kaxxa tal-ġelati kellha r-rikordings.
Sephora Francalanza
12:18 L-Ispettur jgħid li huwa ra l-istess tmien rikordings li rat id-Difiża. Minħabba l-iżball tekniku, hu kien talab li l-informazzjoni terġa' tingħata. Arnaud jgħid li t-Task Force qed tipprova tiskopri jekk hemmx xi rikordings li l-Pulizija ma tafx dwarhom. Jinsisti li ma kkomunikax mal-espert tal-Qorti.
Sephora Francalanza
12:18 Mercieca jgħid li dawn huma Voice 6 u 0010.
Sephora Francalanza
12:16 L-Ispettur Arnaud iwieġeb li ma jafx li hemm rikordings neqsin. Jistieden lill-Avukat Charles Mercieca jgħidlu liem minnhom neqsin jekk hu għandu din l-informazzjoni.
Sephora Francalanza
12:08 L-Ispettur Keith Arnaud jiċħad li hemm "evidenza eskulpanti" fil-konfront ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:08 Il-Maġistrat tordna lid-Difiża tistaqsi mistoqsijiet differenti.
Sephora Francalanza
12:07 Tqum kommossjoni meta Arnaud isemmi d-Difiża.
Sephora Francalanza
12:03 Id-Difiża terġa' tistaqsi min jara x'inhu relevanti. L-Ispettur jgħid li l-Pulizija u d-Difiża.
Sephora Francalanza
11:59 L-Ispettur jgħid li jrid jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali għax minn dak li nġabar mingħand il-familja Theuma, jaf hemm affarijiet ta' relevanza għal ħaddieħor, f'investigazzjonijiet oħra.
Sephora Francalanza
11:58 Nhar it-Tnejn hi l-aħħar seduta tar-rinviju.
Sephora Francalanza
11:57 L-Avukat Mercieca jistaqsi fejn se tiġi esebita l-informazzjoni li semma Arnaud fil-verbal. L-Ispettur jgħid li l-informazzjoni se tiġi preżentata fil-proċeduri fil-ġimgħat li ġejjin.
Sephora Francalanza
11:56 Se jitkompla l-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
11:54 Dwar l-oġġetti li ttieħdu mingħand Yorgen Fenech, l-investigazzjoni wkoll għadha għaddejja u jista' jiġi preġudikat il-każ jekk l-oġġetti jiġu esebiti, jgħid l-Ispettur.
Sephora Francalanza
11:51 L-Ispettur Arnaud jgħid li għadu ma ġiex esebit il-kontenut relevanti mill-oġġetti ta' Melvin Theuma għax:

– meta ġie preżentat il-kontenut tal-hard drive, il-Pulizija u l-Prosekuzzjoni ma kinux konxja li jeżisti aktar kontenut relevanti għall-każ fl-apparat l-ieħor

– wara li saret konxja ta' dan, il-Prosekuzzjoni ssoktat bl-investigazzjoni u talbet lill-Qorti biex ma jiġix preżentat it-tali kontenut biex ma tiġix preġudikata l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:50 L-Avukat Jason Azzopardi jkellem lill-Ispettur Keith Arnaud, sakemm l-Avukati tad-Difiża jgħidu kelma bejniethom ukoll.
Sephora Francalanza
11:49 Arnaud tenna li l-investigazzjoni għadha għaddejja, u fil-ġimgħat li ġejjin, se jiġi preżentat il-kumplament tal-kontenut relevanti, miksub mill-apparat li ġie elevat mingħand Melvin Theuma u qrabatu, u l-oġġetti kollha li ttieħdu mingħand Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:47 L-Ispettur Arnaud jgħid li l-kontenut li qed tirreferi għalih id-Difiża ngħata lilha fuq talba li għamlet lill-Pulizija sabiex tissokta l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:45 Id-Difiża tgħid li jidher li l-Prosekuzzjoni għandha viżibbiltà tal-kontenut ta' inkjesti u provi li d-Difiża qed titħalla fid-dlam dwarhom, b'konsegwenza li l-Prosekuzzjoni qed tiddeċiedi hi biss x'għandu jiġi esebit u mistur.
Sephora Francalanza
11:43 Il-kontro-eżami ġie sospiż għal ftit ħin, u Arnaud jingħaqad man-naħa tal-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
11:42 L-Ispettur Arnaud jgħid li ma ġewx esebiti l-ewwel darba għax ma kinux għadhom jafu li fil-kumplament tal-oġġetti li ttieħdu, kien hemm informazzjoni relevanti għal din il-kumpilazzjoni. Lejn Frar/Marzu saru jafu b'rikordings oħra.
Sephora Francalanza
11:41 L-Avukat Mercieca jinsisti li d-Difiża għandha tkun taf xi provi għandha l-Prosekuzzjoni. Jissemma apparat elettroniku ieħor, bħall-hard drive.
Sephora Francalanza
11:40 Il-Maġistrat Rachel Montebello tisħaq li informazzjoni parti minn inkjesta maġisterjali oħra ma tistax tingħata.
Sephora Francalanza
11:39 L-Avukat Mercieca jakkuża lill-Ispettur Arnaud li qed jevadi l-mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
11:37 Id-Difiża tgħid li l-Pulizija qed iżżomm informazzjoni li tista' tgħin fid-difiża ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:37 L-Ispettur Arnaud jista' jivverifika dan.
Sephora Francalanza
11:36 L-Ispettur jgħid li jista' jkun hemm messaġġi ta' Theuma fuq dawn il-mowbajls l-oħra. Bl-amment jgħid li ma jafx humiex ta' Melvin Theuma l-mowbajls, u lanqas ma jaf kemm hemm mowbajls bl-eżatt.
Sephora Francalanza
11:35 "Jekk ikolli ngħidlek li Theuma għandu aktar minn dawn l-erba' mowbajls, xi tgħidli?"
L-Ispettur iwieġeb li minn tiftixiet f'postijiet oħra, instabu mowbajls oħra.
Sephora Francalanza
11:34 L-Avukat Mercieca jistaqsi dwar il-kulur tal-mowbajls. L-Ispettur Arnaud jgħid li mhux ċert, imma l-proċess ġie ffilmjat darbtejn. Ma reġax ra l-filmat qabel ġie jixhed illum.
Sephora Francalanza
11:34 Fil-kaxxa kien hemm tliet mowbajls u ieħor li kellu fuqu Melvin, jiġifieri b'kollox ħadu erba' mowbajls.
Sephora Francalanza
11:33 L-Avukat: "M'inti qed taħbi xejn, hux hekk?"
L-Ispettur: "Lanqas irrid inwieġeb, mhux ovvja li le!"
Sephora Francalanza
11:32 "Għalhekk qed inħossni konfuż," jgħolli leħnu l-Avukat Mercieca, għax jallega li l-Ispettur Arnaud qed iħawwad fix-xhieda tiegħu.
Sephora Francalanza
11:31 Arnaud ma kienx preżenti meta Theuma nstab bil-kaxxa li kellu r-rikordings fiha, imma kien preżenti meta nfetħet il-kaxxa.
Sephora Francalanza
11:30 Madankollu, kien kellmu b'mod informali lil Theuma dakinhar li ġie arrestat.
Sephora Francalanza
11:29 19 ta' Novembru, 2019: l-ewwel darba li l-Ispettur Keith Arnaud kellem lil Melvin Theuma b'mod uffiċjali fuq il-każ.
Sephora Francalanza
11:27 Lil Melvin Theuma żammu arrestat tliet darbiet.
Sephora Francalanza
11:27 "Inti qed tpattilu lil Lawrence Cutajar?" – L-Avukat
"Le, għandi għal xiex?" – L-Ispettur

Jgħid li ma ħassx li kien dmiru li jinvestiga lil Cutajar.
Sephora Francalanza
11:25 "Ried nara jekk allaħares qatt kienx hemm xi ħadd li seta' gideb fuq Melvin Theuma," jgħid Arnaud.
Sephora Francalanza
11:24 Lill-pulizija li qed jinvestigaw x'għamel Melvin Theuma lilu nnifsu ġieli kellimhom fuq il-każ, madwar darbtejn jew tliet darbiet.
Sephora Francalanza
11:24 Arnaud jinsisti li m'għandux ħbiberija ma' Melvin Theuma, imma ħass li hu fl-interess tiegħu li jmur jarah u jipprova jifhem x'ġara. Mar l-isptar 3 darbiet u d-dar tiegħu darba.
Sephora Francalanza
11:23 Minn dakinhar 'l hawn kellmu, imma mhux fuq il-każ. Mar jarah anke l-isptar u wara li ħareġ mill-isptar.
Sephora Francalanza
11:23 L-aħħar li kellmu fl-4 ta' Ġunju, 2020 għal siegħa u kwart.
Sephora Francalanza
11:19 Lil Melvin Theuma l-Pulizija interrogatu seba' darbiet:

1. 19 ta' Novembru: nofs siegħa
2. 20 ta' Novembru: siegħa u nofs
3. 20 ta' Novembru: sagħtejn
4. 20 ta' Novembru: siegħa u 3 kwarti
5. 21 ta' Novembru: nofs siegħa
6. 22 ta' Novembru: 48 minuta
7. 4 ta’ Ġunju: siegħa u kwart

Off the record deherlu li ma kellmux, ħlief meta ġieli nzertah id-Depot filgħodu u qallu bonġu, u affarijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mal-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:18 L-Ispettur Arnaud jgħid li ma jafx sewwasew min qed jinvestiga l-allegat tixħim tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, iżda jinsisti li normali li ma jkunx jaf.
Sephora Francalanza
11:17 Iben Daphne Caruana Galizia jqum biex jitkellem mal-Avukat Jason Azzopardi mill-parte civile.
Sephora Francalanza
11:12 Arnaud jgħid li assolutament ma kienx infurmat li Cutajar ħa flus mingħand il-Ġojja, imma dan l-aħħar ġie għal widnejh li Cutajar ħa flus għall-proklama ta' Melvin Theuma, u din investigawha wkoll. Għadha qed tiġi investigata.
Sephora Francalanza
11:10 L-Ispettur Arnaud jgħid li qatt ma tkellem mal-Ġojja fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Lawrence Cutajar, għax ma kienx konxju tagħha.
Sephora Francalanza
11:09 L-Avukat Gianluca Caruana Curran isejjaħ lill-mara ta' Yorgen Fenech biex ikellimha.
Sephora Francalanza
11:08 "Id-Difiża tħoss li qed tinżamm fid-dlam," jisħaq l-Avukat Mercieca. Jgħid li minn 200 rikording, kulma nstemgħu fl-interrogazzjoni ta' Yorgen Fenech kienu tliet rikordings.
Sephora Francalanza
11:07 Mistoqsi fuq ir-relazzjonijiet tal-Ġojja ma' ħaddieħor, Arnaud jinsisti li l-investigazzjoni għadha għaddejja.
Sephora Francalanza
11:06 L-Ispettur ma jidhirlux li waqt l-interrogazzjoni, lill-Ġojja semmgħulu rikordings/konverżazzjonijiet. "Ma kienx hemm ħtieġa," jispjega l-Ispettur.
Sephora Francalanza
11:05 L-Ispettur jgħid li ma jiftakarx jekk it-telefonati sarux qabel il-Qorti qalet lix-xhud biex ma jikkomunikax mal-eks Kummissarju.
Sephora Francalanza
11:04 Lanqas ma bagħat għall-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Sephora Francalanza
11:04 Wara li sar jaf b'dawn it-telefonati, l-Ispettur Arnaud ma reġax sejjaħlu lil Edwin il-Ġojja.
Sephora Francalanza
11:03 L-Ispettur Arnaud jgħid li jista' jgħid lill-provditur tas-servizz biex jitla' jixhed biex jippreżenta l-call data.
Sephora Francalanza
11:03 It-telefonati saru f'Ġunju tal-2020.
Sephora Francalanza
11:02 Iqum għagħa fil-qorti.
Sephora Francalanza
11:02 L-Ispettur Arnaud jgħid li mill-call data jaf, iżda dawn l-affarijiet għadhom qed jiġu investigati.
Sephora Francalanza
11:01 "Kieku jkolli ngħidlek li qabel it-testimonjanza tiegħu hawnhekk, l-eks Kummissarju kkomunika mal-Ġojja?" – l-Avukat Mercieca.
Sephora Francalanza
11:01 Huma u jinterrogawh, Arnaud ma staqsiex lill-Ġojja kellux mowbajl ġdid.
Sephora Francalanza
10:59 Il-mowbajl ta' Edwin il-Ġojja ttieħed mill-Pulizija – Arnaud ma setax jieħdu għax diġà kienu ħaduh pulizija oħra.
Sephora Francalanza
10:57 L-Avukat Mercieca jistaqsi jekk il-Kummissarju daħalx waqt l-interrogatorju. L-Ispettur jgħid li ma jiftakarx, imma ma jaħsibx li daħal. Jista' jiċċekkja l-filmat tal-interrogazzjoni. Kien, iżda, preżenti fl-istess binja l-Kummissarju ta' dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
10:57 Il-Kummissarju Lawrence Cutajar kien parti minn din l-interrogazzjoni? Le, iwieġeb Arnaud. Jiċċekkja fil-lista ta' persuni li kienu preżenti, u isem Lawrence Cutajar mhuwiex imniżżel.
Sephora Francalanza
10:57 L-unika interrogazzjoni li ma kinitx awdjoviżiva kienet ta' Yorgen Fenech għax hu ma riedx.
Sephora Francalanza
10:57 Il-Ġojja kien arrestat darbtejn: l-ewwel darba arrestah l-Ispettur Nicholas Vella fl-14 ta' Novembru fil-12.15pm u baqa' arrestat sas-6.30pm. Bi qbil mal-Ispettur Vella, tawh il-police bail u kellmuh l-Ispetturi Arnaud u Zahra.
Sephora Francalanza
10:54 Edwin Brincat il-Ġojja qatt ma tkellem mal-Pulizija. Baqa' sieket waqt l-istqarrija mal-Pulizija. "Dak li għandi ngħid, ngħidu fil-Qorti," qal il-Ġojja. L-istqarrija waħdiena uffiċjali damet 35 minuta.
Sephora Francalanza
10:53 L-Ispettur Arnaud jgħid li l-ħinijiet li ġew arrestati fihom Keith Schembri u Adrian Vella kienu differenti – għalhekk kien hemm differenza fl-għadd ta' persuni li marru jarrestawhom.
Sephora Francalanza
10:51 Kemm-il persuna marret tarresta lil Dr Vella? Milli qed jiftakar, l-Ispettur Arnaud jgħid li kienu bejn 3 u 4 persuni.
Sephora Francalanza
10:51 Dr Adrian Vella ġie arrestat fis-26 ta' Novembru, 2019, u baqa' arrestat sa waranofsinhar dakinhar stess.
Sephora Francalanza
10:50 Ma kellmux minn dakinhar 'l hawn lil Dr Adrian Vella. Dan ta lill-Pulizija erba' stqarrijiet.
Sephora Francalanza
10:50 L-aħħar darba li l-Ispettur bagħat għal Dr Adrian Vella kien fil-21 ta' Diċembru, 2019.
Sephora Francalanza
10:50 Kien issemma li darba minnhom iltaqgħu l-Belt, u darba għand Johann Cremona, iżda telefonati qatt ma ssemmew.
Sephora Francalanza
10:49 Il-mowbajl ta' Kenneth Camilleri ma ttiħidx. L-Ispettur Arnaud, meta mistoqsi, jgħid li ma kienx jaf li kien hemm telefonati bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri.
Sephora Francalanza
10:48 L-Ispettur Arnaud jgħid li lil Kenneth Camilleri kellmu wara li kellem lil Melvin Theuma, għax Theuma semma lil Camilleri. Iżda wara li kellmu lil Camilleri, reġgħu kellmu lil Theuma.
Sephora Francalanza
10:48 Mistoqsi jekk semmagħlux rikordings lil Kenneth Camilleri, l-Ispettur Arnaud jgħid li le.
Sephora Francalanza
10:47 Qatt ma kien arrestat Kenneth Camilleri, kien biss mitkellem mill-Pulizija. It-tieni darba dam 8 minuti.
Sephora Francalanza
10:46 Kenneth Camilleri qal lill-Ispettur li lil Yorgen Fenech ma jafux. Ta żewġ stqarrijiet u fihom qal li qatt ma ltaqa' ma' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:46 B'kollox, il-Pulizija bagħtet għal Kenneth Camilleri darbtejn: fit-22 u fis-27 ta' Novembru, 2019.
Sephora Francalanza
10:45 L-aħħar li l-Ispettur Arnaud bagħat għal Kenneth Camilleri kien qabel tela' jixhed l-aħħar darba. Qalilhom li ma kellux xi jżid mal-istqarrija li kien ta lill-Pulizija.
Sephora Francalanza
10:45 Mill-aħħar seduta 'l hawn, ma reġax bagħat għal Keith Schembri, "imma ma jfissirx li l-investigazzjoni spiċċat."
Sephora Francalanza
10:44 L-Ispettur jgħid li Keith Schembri kien diġà ġie mitkellem fuq it-tieni ittra allegata.
Sephora Francalanza
10:44 Dwar it-tieni ittra, Vella qal li mhux vera, jgħid l-Ispettur.
Sephora Francalanza
10:43 Vella ma setax jikkonferma x'inhi l-ittra, imma qal li l-kontenut ma rahx – għalih kienu karti u ma kienx jaf x'fihom, ħadhom għand Fenech wara li ġabarhom mingħand Schembri.
Sephora Francalanza
10:41 Arnaud jispjega li Yorgen Fenech allega li t-Tabib Vella għaddielu żewġ karti. Abbażi ta' dik l-informazzjoni, ġie arrestat Dr Vella.
Sephora Francalanza
10:40 L-Ispettur jgħid li jista' jkun li Fenech semmielhom li kien mar l-Amerka ma' Schembri u Vella, imma jinsisti li lil Fenech dejjem kellmu bil-premessa li qed jgħaddi l-informazzjoni biex jingħata proklama.
Sephora Francalanza
10:40 Saru jafu bir-rabta bejn it-Tabib Vella u Keith Schembri meta staqsew dwar l-ittra, għax Vella qalilhom li ġieli jmur jieħu xi grokk għandu.
Sephora Francalanza
10:39 Arnaud ma staqsiex lit-Tabib Vella kemm għandu mowbajls.
Sephora Francalanza
10:39 L-Avukat Mercieca jitlob li jara n-notamenti tal-Ispettur Arnaud, imma l-Maġistrat toġġezzjona u tgħidlu li jista' jippreżentahom fi tmiem is-seduta.
Sephora Francalanza
10:37 L-Ispettur jgħid li ma kienx jaf li Adrian Vella hu t-tabib ta' Keith Schembri, kien jaf li kien it-tabib ta' Yorgen Fenech għax kien mar id-Depot meta Fenech beda jħossu ħażin.
Sephora Francalanza
10:37 L-avukat jistaqsi lill-Ispettur jekk kienx jaf li qabel ġie arrestat, it-Tabib Vella kellu diversi telefonati ma' Keith Schembri. Jgħid li ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
10:36 L-Ispettur jikkjarifika li raw li l-mowbajl tat-Tabib Vella ma kellux x'jaqsam mal-ittra li allegatament għadda lil Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:35 Il-mowbajl tat-Tabib Adrian Vella ma ttiħidx mill-Pulizija. L-Ispettur jgħid li ma kinux infurmati li kien f'kuntatt ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:34 L-Ispettur Arnaud jgħid li "ma kellux għal xiex" jinforma lil Keith Schembri li se jarrestah.
Sephora Francalanza
10:32 Arnaud jgħid li ma infurmaw lil ħadd bl-arrest, imma meta fil-25 ta' Novembru, Fenech tahom informazzjoni li qatt ma kien ta qabel, marru għall-arrest ta' Adrian Vella.
Sephora Francalanza
10:32 "Mhux tad-daħk, tal-biża'," jikkummenta l-Avukat Caruana Curran.
Sephora Francalanza
10:31 Yorgen Fenech u l-Avukat Gianluca Caruana Curran jibdew jidħku, u l-Maġistrat taħtafhom u tgħidilhom, "Mhux tad-daħk."
Sephora Francalanza
10:31 Għall-arrest ta' Schembri kienu biss l-Ispettur Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Jgħid li ma kellhomx assistenza.
Sephora Francalanza
10:30 L-Avukat Mercieca jistaqsi jekk qabel l-arrest ta' Schembri, Arnaud kellux l-istess tim investigattiv imsemmi. Jgħid li iva, imma mhuwiex ċert min minnhom kien xogħol.
Sephora Francalanza
10:29 Keith Schembri ta 3 stqarrijiet lill-Pulizija: waħda ta' kważi sagħtejn, oħra ta' kważi siegħa u oħra ta' 40 minuta.
Sephora Francalanza
10:27 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li Keith Schembri ġie arrestat darbtejn:

– fis-26 ta' Novembru, 2019 fis-7am – dam arrestat sal-għada billejl f'11.50pm (meta tilef il-mowbajl) – ingħata police bail għall-għada filgħodu 28 ta' Novembru

– issejjaħ id-Depot bil-bail fit-28 ta' Novembru u baqa' miżmum sa filgħaxija.
Sephora Francalanza
10:26 Mistoqsi, l-Ispettur Arnaud jgħid li l-Maġistrat Gabriella Vella qed tmexxi inkjesta maġisterjali fuq l-arrest ta' Melvin Theuma. Il-Maġistrat Neville Camilleri qed imexxi inkjesta fuq il-qtil.
Sephora Francalanza
10:26 Arnaud jinsisti li hu qed jieħu xi noti, mhux jaqra minnhom, u qed iħares f'għajnejn l-avukat u l-Maġistrat hu u jwieġeb.
Sephora Francalanza
10:24 L-Avukat Charles Mercieca jgħid li l-Ispettur Arnaud qara minn xi noti, u Arnaud wieġeb, maħsud, "Int bis-serjetà, jew?"
Sephora Francalanza
10:23 L-Ispettur Arnaud jikkjarifika li kienu l-uffiċjali tal-forensika li elevaw l-oġġetti.
Sephora Francalanza
10:20 L-avukat jistaqsi jekk huwiex korrett li l-erba' esperti tal-Qorti ħadu xi affarijiet waqt l-arrest ta' Melvin Theuma. Arnaud ma kienx preżenti meta nġabru oġġetti.
Sephora Francalanza
10:20 L-Avukat Charles Mercieca jitlob lill-Ispettur jgħid min huma, iżda l-Maġistrat toġġezzjona li l-Ispettur jiżvela isem l-esperti tal-Qorti.
Sephora Francalanza
10:18 L-Ispettur jgħid li dakinhar li ġie arrestat Melvin Theuma f'Novembru, kien hemm sitt uffiċjali mill-Europol, li jinkludu l-esperti tal-Qorti u oħrajn li jagħmlu xogħol ta' pulizija.
Sephora Francalanza
10:17 L-għajnuna mill-Europol maqsuma fi 2: esperti tal-Qorti u oħrajn li jissapportjawhom bħala xogħol tal-pulizija.
Sephora Francalanza
10:16 Mistoqsi min jikkordina mal-Europol, l-Ispettur Arnaud jgħid li ma jistax jgħid, għax skont min ikun xogħol dakinhar.
Sephora Francalanza
10:14 Jgħid li riċentament, minn sitta ġew ħamsa fit-task force, sebgħa b'Arnaud u Zahra.
Sephora Francalanza
10:14 Arnaud jgħid li f'fażijiet differenti tal-investigazzjoni kien hemm ammonti differenti ta' persuni fit-tim investigattiv tiegħu.
Sephora Francalanza
10:12 Fit-Taqsima tal-Omiċidju hemm madwar 15-il persuna. Fl-uffiċċju ta' Arnaud hemm erbgħa.
Sephora Francalanza
10:12 L-ewwel mistoqsija tad-Difiża hija kemm hemm nies fit-tim investigattiv ta' Arnaud.
Sephora Francalanza
10:09 Illum imiss il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud mill-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
10:08 Għadha kemm daħlet il-Maġistrat Rachel Montebello fl-awla.
Sephora Francalanza
10:07 Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile qed jiddiskutu l-awla bejniethom, billi llum qed tintuża awla 20 minflok 22 minħabba lmenti ta' tbegħid soċjali.
Sephora Francalanza
10:04 Hawn sigurtà stretta fil-qorti llum, b'erba' uffiċjali ta' Kordin armati fl-awla, wieħed bilqiegħda fuq kull naħa ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:03 Preżenti fl-awla hawn ukoll il-familja ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:01 Jidħol fl-awla l-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
09:57 L-Avukat Charles Mercieca qed jitkellem mal-klijent tiegħu Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
09:56 Għadu kemm daħal l-akkużat Yorgen Fenech fl-awla. Ftit warajh daħlu wlied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, flimkien ma' missierhom, l-Avukat Peter Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:55 Bonġu. Nilqgħukom live minn awla 20 fil-qorti.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed it-Tabib Adrian Vella, li allegatament wassal messaġġ bejn Fenech u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Il-Maġistrat qalet lit-Tabib Adrian Vella li Keith Schembri kien xehed li mhux hu għaddielu l-karti. It-tabib insista li Schembri tahomlu.
  • “Ninżel jien, jinżel kulħadd miegħi” – Dan il-kliem qalu Yorgen Fenech lit-Tabib Vella meta tah il-karti li bagħatlu Keith Schembri
  • “Yorgen introduċieni ma’ Keith Schembri xi erba’ snin ilu meta kellu kundizzjoni serja. Mort magħhom l-Istati Uniti” – it-Tabib Vella
  • It-tabib qal li meta ġie interrogat, l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar kien qallu “giddieb”, possibbilment xħin qal li ġabar il-karti mingħand Schembri

L-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra qed imexxu l-Prosekuzzjoni.

L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għall-akkużat.

L-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi qed jidhru parte civile.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tippresedi l-Qorti.