Ilaqqatha pulizija ieħor għax prova jofroq ġlieda

Pulizija sofra ġrieħi wara li pprova jofroq ġlieda quddiem l-Għassa ta’ Ħal Qormi.
Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, meta skont il-President tal-Police Officers’ Union Sandro Camilleri, omm u bintha kienu qed jistennew lill-missier quddiem l-għassa, u minflok il-missier marru qraba tiegħu u kien dak il-ħin li żvolġiet il-ġlieda.
Fuq Facebook, l-Ispettur Camilleri stqarr li l-kuntistabbli L. Baldacchino flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-pulizija, intervjenew biex iferrqu l-ġlieda.
Minbarra li qala’ daqqa ġo ħalqu, il-kuntistabbli spiċċa “b’għarkopptejh qisha ballun”.
“Iħebbu għall-Pulizija għax jafu li mhu se jiġri xejn”
Il-President tal-POU fi ħdan il-General Workers’ Union insista li s-sitwazzjoni hi tal-biki u saħaq li dan kollu huwa tort tal-Istat Malti inġenerali, “bil-qrati, politikanti, ċertu sezzjonijiet tal-midja u anki l-Korp stess – għax ċertu uffiċjali għolja ħsiebhom biex isallbu liż-żgħar u jsaħħnu s-siġġu”.
Temm jgħid li n-nies tiġġieled u toffendi u jibqgħu jagħtu, avolja quddiem il-Pulizija, filwaqt li jħebbu għall-Pulizija għax jafu li mhu se jiġri xejn”.
L-Ispettur Camilleri llum tkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK dwar il-vjolenza li qed jaffaċċjaw membri tal-Korp. 
Ritratt: POU – GWU