Aktar truppi Amerikani fis-Sirja

Skont uffiċjali, il-President Amerikan Barack Obama se jkun qed jibgħat 250 suldat ieħor fis-Sirja biex jgħinu lill-militanti lokali fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku.
L-għan ta’ dan huwa li aktar Sunni jitħajru jingħaqdu mal-militanti Kurdi fil-ġlieda kontra l-ISIS.
Dan ifisser li b’kollox fis-Sirja se jkun hemm 300 truppi Amerikani li qed jassistu u jgħinu militanti lokali.
Minkejja dan, il-President Amerikan qed jiċħad li se jkunu qed jintbgħatu truppi ġodda.
Huwa qal li s-suldati u militanti waħedhom mhux biżżejjed biex isolvu l-problema tas-Sirja li fi kliemu issa s-sitwazzjoni saret wisq kumplessa.
Iżda uffiċjali, li tkellmu ma’ midja internazzjonali, qed jgħidu li Obama mistenni jħabbar dan waqt żjara li se jkun qed jagħmel illum f’Hannover. Matulha se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxejja mir-Renju Unit,  il-Ġermanja, Franza u l-Italja biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fis-Sirja.
Il-biċċa l-kbira tat-truppi li allegatament se jkunu mibgħuta fis-Sirja, se jkunu forzi speċjalizzati f’oqsma differenza fosthom fil-mediċina u l-loġistika.