Aktar titjiriet lejn il-Baltiċi bi ftehim bejn l-Air Malta u l-airBaltic

Il-linja tal-ajru tal-Latvja, l-airBaltic, u l-linja tal-ajru Nazzjonali l-Air Malta, ikkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni, magħruf bħala code-sharing.
Din is-sħubija mal-Air Malta se tippermetti lill-passiġġieri tal-airBaltic itiru lejn Malta kuljum permezz ta’ titjiriet komuni fl-Ewropa kif ukoll lejn destinazzjonijiet addizzjonali li huma operati minn Malta.
Min-naħa l-oħra, dan il-ftehim se joffri lill-passiġġieri tal-Air Malta konnettività aħjar mal-pajjiżi Baltiċi u mal-Ewropa tal-Lvant.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi qal li l-Air Malta għandha strateġija ta’ tkabbir u reġa’ saħaq li l-AirMalta se tagħmel aktar minn 1,500 titjira addizzjonali mis-sena preċedenti u se topera seba’ destinazzjonijiet ġodda.
L-Air Malta se tqiegħed il-kodiċi tat-titjiriet tagħha KM fuq titjiriet diretti Malta – Riga operati mill-airBaltic kif ukoll fuq titjiriet ta’ konnessjoni bejn Malta u l-pajjiżi Baltiċi, filwaqt li l-airBaltic se tqiegħed il-kodiċi tagħha BT fuq titjiriet minn Riga, Vilnius, u Tallinn lejn Malta kif ukoll lejn Katanja.
L-Air Malta tgħaqqad lil Malta ma 30 belt ewlenija oħra madwar l-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Mediterran.
L-airBaltic toffri aktar minn 60 destinazzjoni mill-bażi ta’ oriġini tagħha f’Riga, il-Latvja. Minn kull wieħed minn dawn il-postijiet, l-airBaltic toffri konnessjonijiet konvenjenti permezz tan-netwerk tagħha li hu mifrux madwar l-Ewropa, il-pajjiżi Skandinavi, ir-Russja, il-Komunità ta’ Stati Indipendenti u l-Lvant Nofsani.