‘Aktar titjiriet lejn destinazzjonijiet ġodda’ – Dr Joseph Muscat

F’laqgħa li kellu mal-bord tad-diretturi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Dr Joseph Muscat qal li Partit Laburista fil-gvern se jinvesti aktar biex jiżdiedu titjiriet lejn destinazzjonijiet mhux daqshekk komuni. Dr Muscat qal li għandha tingħata attenzjoni għal swieq ġodda fosthom pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant kif ukoll fl-Afrika ċentrali.

Il-mexxej Laburista qal dan waqt żjara li għamel fl-MIA.

Dr Muscat sostna wkoll li s-sistema tal-visa għandha tkun faċilitata u inqas burokratika.

Minn naħa tiegħu, il-viċi kap eżekuttiv tal-MIA Austin Calleja qal li fost l-akbar sfidi hija il-fatt li l-aktar swieq li jirrendu għal Malta, iġifieri l-Italja u l-Ingilterra, għadhom f’riċessjoni. Calleja semma l-investiment li sar ta’ 60 miljun ewro f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Intant aktar kmieni llum, Dr Muscat żar ukoll lukanda fil-Qawra fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u semma l-proposti tal-PL fosthom kif se jkun hemm ħidma biex il-lukandi jibbenefikaw minn aktar fondi mill-Unjoni Ewropea.

Dr Joseph Muscat beda l-ġurnata tiegħu fis-6 ta’ filgħodu, fuq il-vapur tal-Gozo Channel biex jiltaqa’ mal-għawdxin li f’dan il-ħin ikollhom jinżlu Malta kuljum minħabba x-xogħol.

F’kummenti li għadda waqt li kien fuq il-vapur, Dr Muscat qal li permezz ta’ dan il-vjaġġ, irid jesperjenza first-hand dak li jgħaddu minnu mijiet ta’ ħaddiema u studenti Għawdxin ta’ kuljum.