Aktar tfal jirritornaw lejn l-iskola fl-Ewropa

L-iskejjel f’bosta reġjuni fl-Italja huma ppreparati li jiftħu l-bibien fl-14 ta’ Settembru. Il-miżuri biex tiġi mminimizzata l-infezzjoni għadhom qed jiġu finalizzati.

Bħala miżura ta’ distanza soċjali, it-tfal se jidħlu l-iskejjel f’ħinijiet differenti, u se jiġu introdotti skrivaniji ġodda ta’ persuna waħda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-maskli se jkunu obbligatorji għal kull minn jidħol u joħroġ mill-iskola, imma dawn jistgħu jitneħħew matul il-lezzjonijiet jekk ikun hemm distanza sikura bejn l-iskrivaniji.

Ċerti skejjel sekondarji li għandhom klassijiet akbar ser jużaw taħlita ta’ tagħlim onlajn u fil-klassi biex jipprevjenu numri kbar ta’ studenti fl-istess klassi. Il-gvern qabel li jipprovdi aktar fondi biex iżid it-trasport pubbliku, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jaslu l-iskola b’mod sikur.

Jekk student jew għalliem ikunu infettati, huma l-kapijiet tal-iskola flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa li għandhom jiddeċiedu jekk jagħlqux l-liskola kollha, il-klassi biss, jew jimponux kwarantina fuq il-persuni involuti direttament.

Polonja

L-iskejjel fil-Polonja reġgħu fetħu fl-1 ta’ Settembru.

Il-maskli tal-wiċċ mhumiex obbligatorji fil-klassi. Il-kapijiet tal-iskola jiddeċiedu jekk għandhomx jintużaw il-maskli fil-partijiet komuni tal-iskola u jekk it-tfal għandhomx jibdew f’ħinijiet differenti. Ċerti skejjel f’reġjuni differenti talbu li l-iskola tiftaħ aktar tard, iżda dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa. L-iskejjel primarji u sekondarji fi bliet bħal Varsavja huma ffullati, u ċerti edukaturi qed jgħidu li se jkun impossibbli li jiġu osservati l-miżuri ta’ distanza soċjali, anke jekk il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu differenti għal gruppi ta’ studenti differenti. Familji li jirrifjutaw li jibagħtu lil uliedhom l-iskola jistgħu jiffaċċjaw multi sa valur ta’ 10,000 zlotys.

Russja

Anke fir-Russja l-iskejjel reġgħu fetħu fl-1 ta’ Settembru. Il-ħinijiet tal-attendenza fl-iskola u tal-brejks se jkunu mqassma f’ħinijiet differenti, biex b’hekk ma jkunx hemm ħafna studenti f’daqqa f’żoni komuni tal-iskola. It-temperatura tal-istudenti se tiġi kkontrollata fl-iskola. Studenti li jkollhom sintomi ta’ influwenza se jkunu iżolati. Huwa rrakkomandat li t-tfal jilbsu l-maskli, iżda dan mhux obbligatorju. L-għalliema jridu jilbsu l-maskli l-ħin kollu, sakemm mhux qed jispjegaw suġġetti ġodda jew jekk ikunu f’distanza sikura mill-istudenti. Fir-Russja m’hemmx possibbiltà li jsiru lezzjonijiet onlajn.

Svezja

L-iskejjel Żvediżi baqgħu miftuħa tul il-pandemija kollha, u reġgħu laqgħu lura lill-istudenti tagħhom f’nofs Awwissu wara l-vaganzi tas-sajf. L-awtoritajiet lokali jiddeċiedu x’għandu jsir f’każ ta’ tifqigħa, inkluż il-possibilità li jingħalqu skejjel individwali. 

Kull skola hija responsabbli biex issegwi l-linji gwida dwar id-distanza soċjali u l-iġjene. Il-maskli mhumiex obbligatorji.

Ċerti muniċipalitajiet biddlu l-iskedi tal-iskola biex jevitaw li jkun hemm iffullar fuq it-trasport pubbliku. Għalkemm l-iskejjel baqgħu miftuħin fir-rebbiegħa, ma kienx hemm rati ogħla ta’ infezzjoni fost l-istudenti meta mqabbla mal-iskejjel fil-Finlandja, fejn l-iskejjel ingħalqu b’mod temporanju, skont rapport konġunt li sar mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika taż-żewġ pajjiżi.