Aktar testing hubs madwar il-Gżejjer Maltin u aġġornamenti oħra

Miguela Xuereb

Read in English.

Dalwaqt se jinfetaħ ċentru tas-swabs ġdid f’Pembroke u ieħor f’Għawdex, li se jingħaqdu maċ-ċentru li diġà qed jiffunzjona f’Ħal Farruġ. Dan kien imniżżel fil-bulettin li qed joħroġ ta’ kuljum il-Gvern sabiex fih jaġġorna lill-pubbliku u lil midja bl-aħħar żviluppi kawża tal-firxa tal-coronavirus fil-pajjiż.

Il-Gvern qal li  anke sptarijiet privati qed joffru dan is-servizz li min-naħa tagħhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tas-saħħa b’kull każ pożittiv li jista’ jkollhom. Qal li l-istrateġija li qed tintuża biex trażżan l-imxija tal-coronavirus qed taħseb biex isiru iktar testijiet għall-virus, bil-għan li l-każijiet jinqabdu kmieni u l-persuni rispettivi jitpoġġew f’iżolament ħalli ma jinfettawx aktar nies fil-komunità.

Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li r-rata ta’ testijiet li qegħdin isiru fil-pajjiż hija waħda mill-aktar għolja fl-Ewropa. Malta hija t-tielet pajjiż Ewropej fejn l-aktar li qed isiru testijiet. L-aktar pajjiż Ewropew li fih qed isiru testijiet għall-Covid-19 huwa l-Iżlanda, segwit min-Norveġja u wara Malta.

“L-iswabs se jiġu ttestjati f’erba’ ħinijiet differenti kuljum”

Ġie spjegat li l-laboratorju tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei mil-bieraħ beda jżid l-ammont ta’ testijiet li qiegħed jittestja. Fil-fatt, issa se jibdew jiġu ttestjati l-iswabs għall-Covid-19 f’erba’ ħinijiet differenti matul il-ġurnata, minflok tlieta, kif kien qed isir s’issa.

Sptar prefabricated irid jinbena fi żmien tmien ġimgħat

Il-Gvern semma wkoll il-ħidma li qed isir biex jinbena sptar prefabricated. Il-ħsieb hu li l-isptar prefabricated ikollu mas-60 sodda u jkun mgħammar anke b’faċilitajiet ta’ kura intensiva. Is-sejħa għall-offerti diġà ħarġet. L-isptar irid jinbena fi żmien 8 ġimgħat. Il-Covid-19 hija ta’ toqol addizzjonali għas-sistema tas-saħħa Maltija li xorta trid taqdi l-eżiġenzi mediċi kollha l-oħra tal-popolazzjoni.

Qbil mal-imsieħba soċjali fuq pakkett ekonomiku ġdid

Il-bulettin il-ġdid tal-Gvern jagħti ħarsa wkoll lejn il-pakkett ta’ miżuri fiskali li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ. Dan il-pakkett ġab il-qbil unanimu tal-imsieħba soċjali kollha fuq l-MCESD. Permezz tiegħu, il-Gvern se jagħti għotja ta’ €800 fix-xahar lil dawk il-ġenituri li jaħdmu t-tnejn fil-privat u wieħed minnhom ikollu jibqa’ d-dar biex jieħu ħsieb it-tfal. Il-persuni b’diżabbiltà li jaħdmu fil-privat u jagħżlu li jibqgħu d-dar għax huma vulnerabbli għall-Covid-19 se jieħdu wkoll €800 fix-xahar.

Intant, il-persuni li ġew issensjati b’seħħ mid-9 ta’ Marzu 2020 ’il quddiem se jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad u benefiċċju speċjali li jammonta għal €800 fix-xahar. B’dan il-pakkett aġġornat, il-Gvern se jħallas ukoll sa ħamest ijiem xogħol lil kull ħaddiem li jaħdem fis-setturi l-iktar milquta mill-Covid-19, għalhekk se jagħti €800 fix-xahar. In-nefqa għall-miżuri diretti kollha se tkun ta’ madwar €65-70 miljun kull xahar.

“Irridu nibqgħu b’seba’ għajnejn għax għadna fil-bidu tal-imxija”

Minkejja li lbieraħ kienu biss tlieta l-każijiet ġodda tal-Covid-19 mħabbra mill-Gvern, l-appell kien wieħed: li kulħadd irid jibqa’ b’seba’ għajnejn għax l-imxija għadha fil-bidu tagħha. It-tliet każi huma kollha kemm huma impurtati, u nqabdu wara li saru 292 test.

B’hekk issa fil-pajjiż hawn 110 persuni li rriżultaw pożittiv għall-virus. Dawn huma kollha f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. L-anzjan li ddaħħal fl-ITU minħabba kumplikazzjonijiet qed jingħata combination therapy.

L-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb isegwu d-direttivi

Il-Gvern qal li l-ebda stabbiliment tal-ikel u xorb, ċinema u oħrajn, ma nqabad jikser il-miżura biex jibqgħu magħluqin. B’kollox saru 360 spezzjoni f’Malta u 170 f’Għawdex. Takeaways u deliveries huma eżentati mill-miżuri.

Intant, tliet persuni oħra ġew immultati €3000 kull wieħed wara li nqabdu jiksru l-kwarantina mandatorja. Ibieraħ saru 282 spezzjoni f’Malta u 15 f’Għawdex bl-awtoritajiet itennu l-bżonn li kulħadd ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet. F’10 ijiem mindu bdew l-ispezzjonijiet saru mal-2,500 spezzjoni.

X’inhuma l-helplines tal-Gvern?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni.
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta.
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-pakkett finanzjarju lill-industriji; intrapriżi u self-employed.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn