Aktar suspetti

Ritratt: RGV

Żewġ episodji oħra mis-sensiela Għall-Paċi u l-Mistrieħ jixxandru llum is-Sibt u għada l-Ħadd fis-1.05pm fuq l-istazzjon Net. L-istorja ta’ din is-sensiela hi ta’ Ronald Saliba, b’kitba ta’ John Suda u produzzjoni ta’ Hermann Bonaci.

Fl-episodju tal-lum is-Sibt Yvonne kienet tilfet tqala u din is-sitwazzjoni setgħet kienet ir-raġuni għall-problemi ta’ ansjetà li għaddejja minnhom. Il-qagħda bejn Carol u Yvonne ftit tidher li tinbidel. L-ixkubetta tal-kaċċa ta’ Philip tfakkar lil Carol f’inċident meta kienet żgħira. Carol ma tkunx taf li din ikkargata, tispara u Yvonne teħodha bi kbira ħafna. Ftit qabel Carol kienet ippuntatha lejha u ħadd minnhom ma kien jaf li hi kkargata.

Fl-episodju ta’ għada l-Ħadd is-suspetti bejn Philip u Yvonne jibqgħu għaddejjin. Philip jonqos milli jmur jara lil martu l-isptar u Dr. Zimmermann juri li għandu ċerta ġibda lejha. Hi ssib fih bniedem ġentili li jifhimha. It-tabib juriha wkoll xi ritratti ta’ xi whud mill-pazjenti li kellu, ritratti li juru l-mod kif pazjenti femminili jistgħu jirbħu d-dinja li ċaħdithom.

Yvonne tiġi fid-dubju jekk tagħmilx bħalhom biex b’hekk tfieq darba għal dejjem.

L-atturi principali huma:Frida Cauchi, Hermann Bonaci, Vanessa Cassar, John Suda, Ronald Saliba, Stefania Vella, Simone Zammit, Ruth Mifsud u Ronnie Galea.