​Aktar suċċessi minn sewwieqa Maltin

Żewġ sewwieqa Maltin bħalissa jinsabu fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika tat-Top Methanol Dragster fil-kampjonat tal-FIA European Drag Racing.
Dawn huma Chris Polidano għal Kalanċ Team u Monty Bugeja għal Mr Whippy, b’karozzi dragster.
Wara tlitt itlielaq, waħda fil-Gran Brittanja, waħda fil-Finlandja u l-oħra fil-Ġermanja, Chris Polidano u Kalanċ Team għandhom 197 punt, filwaqt li Monty Bugeja u Mr Whippy għandhom 162 punt.
It-tim ta’ Mr Whippy rebaħ it-tellieqa fil-Finlandja, filwaqt li Kalanċ Team spiċċaw fit-tieni post fil-Finlandja u rebħu dik tal-Ġermanja.
Fl-istess kategorija qed jikkompetu wkoll sewwieqa mill-Ġermanja, l-Isvezja u l-Gran Brittanja.
Il-fatt li l-bandiera Maltija tinsab tperper fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika huwa ta’ unur kbir għall-pajjiżna.
L-aħħar żewġt itlielaq għat-timijiet Maltin f’dan il-kampjonat se jinżammu fl-Isvezja u fil-Gran Brittanja.